Lokali Qorti

Akkużat li ta n-nar dar waqt li kien hemm raġel anzjan

Raġel ġie mixli bi ħruq meta ta n-nar lill-bieb prinċipali ta’ dar tal-Ħamrun waqt li ġewwa kien hemm raġel anzjan. Jesmond Gatt ta’ 54 sena mill-Ħamrun, wieġeb mhux ħati li ħaraq u li wettaq ħsara fil-proprjetà meta deher quddiem il-Maġistrat Elaine Rizzo.

L-Ispettur tal-Pulizija Elisia Scicluna spjegat kif l-Erbgħa bil-lejl, il-Pulizija rċeviet rapport li parti mill-bieb ta’ dar fil-pjazza tal-Ħamrun kien qed jieħu n-nar. Il-Pulizija rkuprat filmati tas-CCTV li wasslu għall-identifikazzjoni tal-akkużat.

Il-filmati wrew li kien hu li ta n-nar lill-bieb, iżda l-fjammi ntfew. Imbagħad reġa’ mar iqabbad. Gatt, permezz tal-avukati tiegħu Franco Debono, Marion Camilleri u Adriana Zammit, ippreżenta talba għal libertà proviżorja.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat billi qalet li l-filmati wrew li huwa kien determinat li jagħti n-nar lill-bieb. Gatt għandu rekord kriminali kkulurat u reċentement ħareġ mill-ħabs wara sentenza ta’ erba’ snin priġunerija, żiedet tgħid il-prosekuzzjoni.

Huwa jista’ jeħel 12-il sena ħabs jekk jinstab ħati.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-pleġġ bl-akkużat jittieħed il-ħabs.

L-Avukat Joseph Camilleri Azarov mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, mexxa l-prosekuzzjoni mal-Ispetturi Jeffrey Scicluna, Mario Sciberras u Elisia Scicluna.