Lokali

Appell mingħand Miguel Mifsud biex il-vittmi tad-drogi jaċċettaw l-għajnuna

Ovjament ngħidlihom l-ewwel net il-bniedem iried jaċċetta li għandu problema u jsib l-għajnuna hekk kif id-droga hija pjaċir artifiċjali … tibdel ħajtek għall-aħjar

Hekk stqarr l-eks futboler Miguel Mifsud  li temm b’suċċess il-maratona ta’ 100km madwar il-kosta ta’ Malta b’risq il-Caritas; messaġġ li għadda lil dawk kollha li bħalissa jinsabu maħkuma mill-vizzju tad-droga.

Miguel Mifsud li hu stess kien resident fil-programm tal-Caritas qal li din l-organizzazjoni hija marbuta ħafna ma qalbu għax hija t-tieni dar tiegħu; li għinet kemm lilu kif ukoll lil familja tiegħu.

Miguel Mifsud li issa ilu numru ta’ snin ‘clean’  spjega li qatt ma għandek taqta qalbek u anka jekk terġa’ taqa’ ma jkun ġara xejn – għax  tista’ dejjem terġa’ tqum fuq saqajk.

Stqarr li l-jum tal-Ħadd kien jum mill-isbaħ fejn fih iltaqa’ ma ħafna atleti differenti kif ukoll ħbieb li kien ilu ma jara. Qal ukoll li kull 20 km kien hemm persuni jistenewh u li dan kien ta’ kuraġġ kbir għalih.  

Miguel Mifsud li huwa bniedem sportiv u li kien involut fix-xena tal-futbol fil-passat spjega li l-attività fiżika żommok ‘il bogħod mid-droga.