Lokali Qorti

Carer barrani f’dar tal-anzjani akkużat b’fastidju sesswali fuq studenta taħt l-età

Carer fid-dar tal-anzjani tal-Fgura, ġie akkużat b’fastidju sesswali ta’ studenta barranija ta’ 17-il sena waqt li kienet fuq ix-xogħol. Ir-raġel Kasu Haridasan, ta’ nazzjonalità Indjana u li għandu 44 sena, wieġeb li mhux ħati li ta fastidju liż-żagħżugħa Spanjola li kienet minorenni fiż-żmien tal-allegat reat.

Il-Maġistrat Elaine Rizzo semgħet kif fil-5 ta’ April, iż-żagħżugħa marret l-għassa ta’ Raħal Ġdid u qalet li kienet studenta tal-Erasmus u li kienet taħdem f’Dar San Ġużepp, fil-Fgura, bħala parti mill-preparazzjoni tagħha biex issir carer.

Qalet li fit-28 ta’ Marzu kienet marret il-kamra tal-banju biex tieħu barmil ilma. Sostniet li l-akkużat dar warajha, għannaqha, bisilha għonqha u mbagħad għamlillha sinjal biex tbusu fuq xofftejh. Hi dlonk telqet mill-kamra tal-banju.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba tal-libertà proviżorja tar-raġel, iżda l-avukat Wilfrid Buttigieg sostna li l-akkużat kien ilu erba’ snin jgħix Malta ma’ martu u ż-żewġt itfal żgħar tagħhom. Għandu impjieg u kuntratt ta’ kirja reġistrata.

Li jinżamm taħt arrest ikollu impatt “diżastruż” fuq il-familja tiegħu peress li dawn jispiċċaw mingħajr dħul. Apparti minn hekk, għandu kondotta nadifa u l-allegata vittma kienet telqet minn Malta u għalhekk ma setax jikkuntattjaha u jbagħbas l-evidenza.

Il-Maġistrat laqgħet it-talba għal libertà proviżorja kontra depożitu ta’ €2,500 u garanzija personali ta’ €6,000. Inħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur iż-żagħżugħa.