Sport Sport Ieħor

Il-Ħadd se jkun organizzat it-tieni rawnd tal-Kampjonat Nazzjonali tal-Hillclimb

Nhar il-Ħadd, 14 ta’ April, l-Island Car Club ser jorganizza t-tieni rawnd tal-Kampjonat Nazzjonali tal-Hillclimb għal din is-sena. Dan ir-rawnd ser isir fil-Girgenti, limiti tas-Siġġiewi.

Aktar minn 60 karozza se jipparteċipaw f’diversi klassijiet u gruppi, minn karozzi regolari tat-triq sa karozzi klassiċi, sa karozzi mibnija apposta  għal dan it-tip ta sport. Id-dilettanti tal-isport tal-karozzi, u l-pubbliku inġenerali huma mistiedna jsegwu t-tiġrijiet minn zoni magħżula minħabba miżuri ta’ sigurtà.

Mark Micallef, fin-Norma M20 Mugen tiegħu, rebaħ l-ewwel rawnd li sar fit-3 ta’ Marzu fl-Imtaħleb, limiti tar-Rabat. Micallef kien segwit mill-qrib minn Jean Vella b’Jedi F1000, u Noel Galea b’Ford Escort Mk2.

Dawk interessati f’dan l-isport, kemm bħala voluntiera kif ukoll bħala sewwieqa anke fil-klassi street-legal, iridu jikkuntattjaw lill-Island Car Club.

Il-kampjonat qed jittella’ bis-sapport ta England Insurance, The Point, Me Direct, Enemed u oħrajn.