Lokali

“Il-poplu għandu standard of living aħjar” – il-Ministru Owen Bonnici

Jgħid li pajjiżna għandu bżonn aktar ħaddiema barranin biex l-ekonomija tal-pajjiż tkompli tikber

F’għaxar snin, il-popolazzjoni ta’ pajjiżna splodiet bi kważi 30 fil-mija. Fil-gżejjer tagħna qed jgħixu total ta’ 542,00 persuna. Malta għandha 1,677 individwu kull kilometru kwadru – pajjiż bl-akbar densità fl-Ewropa.

Din hija realtà li kulħadd qed imiss b’idejh, u li kompliet tigrava bil-mudell ekonomiku li ħaddem Joseph Muscat bħala Prim Ministru…u li żamm warajh anke Robert Abela; mudell ekonomiku ibbażat fuq l-importazzjoni tal-barranin.

Fatt li kkonfermah anke il-Ministru Owen Bonnici l-Ġimgħa filgħodu hekk kif mingħajr tlaqlieq ta x’jifhem li l-pjan għal tkabbir ekonomiku tal-pajjiż imbuttat ‘il quddiem mil-Labour huwa l-import ta’ aktar nies minn barra minn xtutna.

Dan filwaqt li insista li dan irid ikun wieħed sostenibbli…minkejja li ma speċifikax x’sostenibbiltà hi għajr li jimporta n-nies minn barra skond il-ħtiġijiet tal-pajjiż.

Meta l-Ġimgħa filgħodu, Net News staqsa lill-Ministru Owen Bonnici x’se jirrispondi l-Gvern għal din is-sitwazzjoni li qed iġġib magħha sfidi kbar…Bonnici insista li l-ħaddiema barranin għandna bżonnhom.

Imbgħad, meta kien pressat biex iwieġeb direttament dwar l-effetti tal-isplużjoni fil-popolazzjoni, il-Ministru spiċċa jgħid li llum-il ġurnata il-kwalità tal-ħajja tan-nies tjiebet – meta fil-verità, ħafna qed iħossuhom fgati, l-infrastruttura mhix tlaħħaq, l-isptar jinsab għarkuptejh, u n-nies qed jeħlu fit-traffiku f’kull ħin tal-ġurnata.

Fir-risposti li tana, Owen Bonnici baqa’ jiddefendi l-mudell ekonomiku tal-Gvern.

B’kuntrast, il-PN ilu snin jagħmel pressjoni biex dan il-mudell jinbidel – u l-pajjiż jibda jattira aktar industriji ta’ kwalità, li jħallsu pagi aħjar u li jattiraw ħaddiema li ma jibbażawx fuq sistema ta’ cheap labour.