Lokali Qorti

Il-Pulizija ordnata tibda proċess ta’ estradizzjoni għal Taljan mixli bi traffikar ta’ droga

Maġistrat ordnat lill-pulizija biex tibda proċeduri ta’ estradizzjoni biex raġel Taljan jinġieb Malta wara li naqas li jattendi għal seduta tal-Qorti li fiha qed jiffaċċja akkużi ta’ traffikar ta’ droga. Il-Maġistrat Elaine Rizzo, ordnat lill-Pulizija biex tagħmel “kull ħaġa permessa mil-liġi” biex Gennaro Russo jiġi estradit lejn Malta.

Huwa maħsub li jinsab fl-Italja. Russo, sid ta’ kafetterija, kien ġie arrestat f’Diċembru 2021 wara li nstab fil-pussess ta’ kokaina u cannabis. Russo, minn Napli iżda residenti San Pawl il-Baħar, kien twaqqaf waqt li kien qed isuq fin-Naxxar. Minn tfittxija rriżulta li kellu fuqu d-droga kokaina u cannabis, flus kontanti u żewġ mowbajls f’borża.

Fi tfittxija oħra fid-dar tiegħu u f’żewġ garaxxijiet fl-Imsida, instabu madwar 1.5 kilo kokaina u 15-il kilo cannabis b’valur ta’ aktar minn €450,000. Instabu wkoll xi €250,000 fi flus kontanti. L-akkużat kien wieġeb mhux ħati ta’ traffikar u pussess aggravat ta’ kokaina u cannabis, kif ukoll akkużi oħra fosthom ħasil ta’ flus.

Huwa kien ingħata l-libertà proviżorja fi Frar tal-2022 fit-tielet tentattiv.

L-Ispetturi Justine Grech u Mark Anthony Mercieca qed imexxu l-prosekuzzjoni. L-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri, Roberto Spiteri, Matthew Xuereb, u Alex Scerri Herrera qed jirrappreżentaw lil Russo.