Lokali Qorti

Liberat fuq ksur ta’ pleġġ għax mhux meqjus bħala reat fil-Kroazja

Raġel li kien maħrub u spiċċa estradit lejn Malta mill-Kroazja, ma setax jinstab ħati li kiser il-libertà proviżorja minħabba li n-“nuqqas li jidher” meta joħroġ bil-libertà proviżorja mhuwiex reat kriminali taħt il-liġi Kroata, qalet Qorti.

Vladimir Pajic, ċittadin Serb ta’ 28 sena, kien ingħata l-ħelsien mill-arrest waqt li kien qed jiffaċċja proċeduri kriminali dwar l-allegat involviment tiegħu f’serqa armata f’appartament fin-Naxxar, f’Novembru tal-2022.

Iżda sparixxa wara li l-aħħar iffirma l-Għassa tal-Pulizija kien fil-21 ta’ Ottubru, 2023. Sussegwentement ġie arrestat mill-Pulizija Kroata waqt li kien qed jipprova jaqsam il-fruntiera lejn is-Serbja u ġie mixli quddiem il-Qati f’dak il-pajjiż bis-saħħa ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew maħruġ mill-awtoritajiet Maltin li talbu l-estradizzjoni tiegħu.

Pajic kien wieħed minn żewġ aggressuri li allegatament żammew Olandiż u Franċiża b’pistoli u sikkina fin-Naxxar sentejn ilu, u li ħarbu bi flus kontanti u oġġetti oħra li jiswew aktar minn €2,000. Aktar tard irriżulta li l-‘vittma’ mara kienet allegatament kompliċi, u li ffaċilitat ir-reat.

F’Novembru tal-2022, Pajic kien ġie mixli b’serq aggravat bi vjolenza, mezzi u ammont, flimkien ma’ Victor Markovic ta’ 40 sena mis-Serbja, u Milica Kurcubic ta’ 30 sena minn Franza. Il-mara ġiet mixlija magħhom, u lkoll wieġbu mhux ħatja.

Waqt li l-proċeduri għadhom għaddejjin dwar dak l-episodju, Pajic telaq mill-pajjiż. Wara l-arrest tiegħu fil-Kroazja, Pajic ma tax il-kunsens tiegħu għall-estradizzjoni. Il-Qorti barranija osservat li l-awtoritajiet Maltin riedu li Pajic jiffaċċja proċeduri għal serq aggravat, involviment f’konfoffa kriminali u għal ksur tal-libertà proviżorja. Madankollu, il-Qorti Kroata osservat li t-talba mir-“Repubblika ta’ Malta” kienet biss “parzjalment iġġustifikata” minħabba li r-reat ta’ “nuqqas li tidher minn persuna meħlusa fuq libertà proviżorja ma kienx jeżisti fil-Kodiċi Kriminali tar-Repubblika tal-Kroazja”.

Konsegwentement, Pajic ġie estradit lejn Malta fuq il-bażi tal-ewwel żewġ allegati reati u mhux il-ksur tal-pleġġ. Iżda meta ttella’ lura quddiem il-Qorti tal-Maġistrati x-xahar li għadda, Pajic ġie mixli li kiser il-libertà proviżorja.

L-avukati tiegħu fil-pront esprimew dubju dwar jekk dik l-akkuża kinitx koperta mis-sentenza Kroata – li kopja tagħha ġiet ippreżentata mill-prosekuzzjoni. Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit ħatret espert biex jittraduċi d-dokument sabiex il-kwistjoni tkun tista’ tiġi ċċarata.

F’dik l-okkażjoni, Pajic inżamm taħt arrest preventiv. It-traduzzjoni ma ħalliet ebda lok għal dubju. Il-Qorti Kroata ddikjarat biċ-ċar li Pajic ma kellux jiġi estradit minħabba l-allegat ksur tal-pleġġ. Siltiet minn dik id-deċiżjoni ġew iċċitati mill-Maġistrat Stafrace Zammit meta tat is-sentenza.

“Il-Qorti Kroata għamlitha ċara li peress li r-reat ta’ ksur ta’ digriet ta’ pleġġ ma kienx jeżisti taħt il-liġi Kroata, allura l-akkużat ma setax jiġi estradit u mħares għal dak ir-reat f’Malta, aħseb u ara jiġi kkastigat għal dak ir-reat,” qalet il-Qorti.

Madankollu, il-Mandat ta’ Arrest Ewropew kellu jibqa’ fis-seħħ fir-rigward tar-reati l-oħra li għalihom Pajic kien qed jiffaċċja proċeduri quddiem Maġistrat ieħor, jiġifieri s-serqa armata. “Kellu jiġi aċċertat li l-akkużat jitressaq quddiem dik il-orti [oħra] sabiex dawk il-proċeduri jkomplu,” temmet tgħid il-Maġistrat.