Lokali

Inawgurat iċ-Ċentru Caravaggio fil-Konkatidral

Teżor mill-isbaħ – esperjenza li tgħaqqad l-arti mat-teknoloġija u n-narrattiva. Hekk ġiet deskritta dik magħrufa bħala l-Caravaggio Wing fiċ-Ċentru ta’ Caravaggio fi ħdan il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.

Il-Ġimgħa filgħodu ġiet inawgurata proprju din il-parti b’investiment ta’ aktar minn €2 miljun ko finanzjati minn Fondi Ewropej – deskritta bħala ġawhra ta’ meravilji b’xogħol mill-artist Michelangelo Merisi da Caravaggio.

Fil-15-il xahar li dam f’Malta matul il-ħajja turbolenti tiegħu, Caravaggio kien sab refuġju f’pajjiżna waqt il-ħakma tal-Kavallieri ta’ San Ġwann.

Apparti l-kamra fejn hemm il-pittura ta’ San Ġilormu – hemm ukoll esperjenza awdjoviżiva b’doku-drama li tirrakkonta l-ħajja ta’ dan l-artist, kif ukoll hemm dik l-esperjenza deskritta bħala waħda wiċċ imb’wiċċ mal-pittura tal-qtugħ ir-ras ta’ San Ġwanni l-Battista b’tagħrif dettaljat ta’ xogħol l-artist.

Matul konferenza tal-aħbarijiet fl-oratorju, proprju quddiem il-pittura majestuża ta’ Caravaggio…l-unika waħda ffirmata minnu – wieħed seta’ japprezza x-xogħol ta’ restawr li twettaq kemm fuq il-pittura nfisha, kif ukoll fuq il-madwar 14-il kwadru ta’ Mattia Preti u s-sistema ġdida ta’ dawl.

Net News tkellem mal-Kuratur tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, Adriana Alescio illi enfasizzat il-preġju u l-wirt storiku li pajjiżna għandu.

Dan filwaqt li spjegat x’se jkun qed jistenna kull min se jkun qed iżur din is-sezzjoni l-ġdida fi ħdan il-Kon-Katidral.

F’għeluq il-konferenza, l-Arċisqof ta’ Malta Monsinjur Charles Scicluna saħaq li kull min se jkun qiegħed iżur il-Konkatidral mhux biss se jkollu l-opportunità li jqim lil Alla iżda wkoll jikber fl-għarfien u r-riflessjoni – grazzi għas-sbuħija ta’ xogħol l-artisti Michelangelo Merisi da Caravaggio.