Lokali

“Is-saħħa mentali trid tingħata prijorità bis-serjetà” – PN

L-ambjent li qed ngħixu fih mhux wieħed san

Minn statistika miġbura minn Mistoqsija Parlamentari mill-Partit Nazzjonalista, ħareġ biċ-ċar kemm fi snin riċenti żdiedu l-ammonti ta’ suwiċidji f’pajjiżna, speċjalment fl-età ta’ taħt it-30 sena. Minn ċifri li ħarġu f’laqgħa Parlamentari tas-Saħħa, irriżulta li f’dawn l-aħħar snin, pajjiżna esperjenza każijiet ta’ suwiċidju fl-età ta’ 14-il sena. 

Hekk saħqu Bernice Bonello, ix-Shadow Minister għaż-Żgħażagħ u l-Ħolqien ta’ Spazji Ġodda; u Ian Vassallo, ix-Shadow Minister għall-Kura Primarja u s-Saħħa Mentali; li fi stqarrija komplew jgħidu li dan kollu juri kemm, minkejja d-diversi inizjattivi li qed isiru dwar is-saħħa mentali, l-istatistika tindika li dan mhux biżżejjed u hemm bżonn li nanalizzaw profondament u nsibu s-soluzzjonijiet effettivi biex in-numru ta’ suwiċidji f’pajjiżna jonqos. 

Bonello u Vassallo żiedu wkoll li hu inkwetanti li qed nitilfu daqstant żgħażagħ fil-fjur ta’ ħajjithom. Is-sitwazzjoni f’pajjiżna, fejn qed ngħixu f’ambjent mhux daqstant san, ma jgħinx. Fejn anke ż-żgħażagħ qed jesperjenzaw piżijiet addizzjonali li, biex ilaħħqu mal-ħajja jridu jaħdmu aktar sigħat, anke waqt li jkunu qed jistudjaw.

Il-Partit Nazzjonalista, fl-aħħar xhur, ħareġ diversi proposti biex ikollna sistema tas-saħħa mentali aħjar, speċjalment għat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna. Irridu naraw ukoll li, minbarra li jkollna settur tas-saħħa aħjar, ninvestu fl-ambjent, edukazzjoni u kwalità ta’ ħajja aħjar.

Fl-aħħar xhur ukoll, il-Partit Nazzjonalista nieda l-viżjoni ekonomika tiegħu, li permezz tagħha se jkunu indirizzati dawn l-isfidi, inkluż il-kriżi tal-għoli tal-ħajja.

Jeħtieġ li dan kollu jkun indirizzat mill-aktar fis. Irridu naraw ukoll kif ulied pajjiżna jkollhom opportunitajiet tajbin f’pajjiżna u jserrħu rashom mill-futur tagħhom.