Internazzjonali

Iżrael-Iran: Ir-reġim f’Tehran akkużat b’li jrid iferrex il-gwerra madwar il-Lvant Nofsani

It-Tmexxija ta’ Iżrael qalet li kwalunkwe attakk mill-Iran fuq l-interessi tagħha għandu jitqies bħala prova ċara li r-reġim fundamentalista f’Tehran qed jaħseb biex jeskala l-konflitt li għaddej bħalissa fil-Lvant Nofsani.

Daniel Hagari, il-kelliem ewlieni għall-Armata Iżraeljana, qal li l-Iran għandu reputazzjoni li jħobb ‘jistaħba’ wara gruppi tal-militanti bħall-Ħeżbollah tal-Libanu u l-Ħamas f’Gaza biex iwettaq l-azzjonijiet ‘taħt profil baxx’ kontra l-Iżraeljani. Hu kompla li din il-politika ta’ Tehran ilha s-snin u li r-reġim tal-Ayatollah Ali Khamenei anki qed jiffinanzja lill-gruppi tal-milizji alleati fl-Iraq u fis-Sirja.

Sadanittant, it-tensjoni kompliet tiżdied fil-Lvant Nofsani, b’Iżrael jagħmilha ċara li lest jiddefendi ruħu akkost ta’ kollox kontra kwalunkwe attakk min-naħa tal-Iran. Dan fost sinjali li l-Iranjani kienu qrib ħafna ta’ ritaljazzjoni wara l-attakk mill-ajru tal-bidu tax-xahar li kkonċentra fuq il-konsulat tal-Iranjani fis-Sirja. F’dan l-attakk, fih mietu numru ta’ uffiċjali militari ewlenin fosthom żewġ Ġenerali tal-Armata.

Iżrael la kkummenta u wisq anqas assuma responsabbiltà għall-attakk anki jekk hu suspettat bħala l-ixprun wara dik l-azzjoni. Madankollu, l-Iran qed jinsisti li jwaħħal f’Iżrael u meta fl-aħħar jiem żdiedet ir-retorika aggressiva min-naħa tal-Ayatollah Khamenei u l-President tal-Iran, Ebrahim Raisi.

Min-naħa tiegħu, Iżrael qiegħed numru addizzjonali ta’ taqsimiet militari fuq standby għal kull eventwalità, waqt li l-battaljuni tal-Armata  kienu qed jantiċipaw azzjoni militari min-naħa tal-Iran inkella minn xi wieħed fost organizzazzjonijiet tal-militanti fir-reġjun li ħalfu lealtà lil Khamenei u r-reġim tiegħu.

Il-kelliema għall-Armata Iżraeljana, sadanittan,t qalu li Iżrael fl-aħħar xhur kompla jżid u jtejjeb il-kapaċitajiet għad-difiża u li l-Iran irid iżomm f’moħħu li l-Iżraeljani jafu eżatt kif għandhom iwieġbu f’każ li huma jisfaw mira għal aggressjoni ġdida.

Il-kumment tal-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, kien skjett u tal-punt meta wissa lill-Iran li Iżrael jinsab lest biex ipatti għal kull  uġigħ b’ritaljazzjoni ferm akbar fil-konfront tal-aggressur.

Filwaqt li l-mexxejja militari Iżraeljani fl-aħħar sigħat kienu għaddejjin bl-evalwazzjoni strateġika tas-sitwazzjoni, il-President Amerikan Joe Biden għal darb’oħra enfasizza li l-Istati Uniti għandha turi li l-alleanza ma’ Iżrael għadha waħda soda u effettiva f’każ li l-Iżraeljani jispiċċaw attakkati mill-Iran u l-militanti msieħba miegħu.

Dan fost l-inkwiet tal-komunità internazzjonali li l-gwerra li qed imexxi Iżrael kontra l-Ħamas f’Gaza għandha dalwaqt tinfirex lejn reġjuni oħra tal-Lvant Nofsani – u b’mod partikulari l-Libanu, fejn il-milizji tal-Ħeżbollah qed jibbumbardjaw kontinwament lill-villaġġi tal-Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera.