Internazzjonali

Iżrael: L-istaff tal-Ambaxxata Amerikana attenti għal eskalazzjoni tal-konflitt

L-Istati Uniti llimitat l-ivvjaġġar għall-membri tal-istaff tal-Ambaxxata tagħha f’Iżrael fost l-inkwiet dwar xi attakk imminenti mill-Iran fuq l-artijiet kontrollati mill-Iżraeljani.

L-istaff tal-Amerikani kienu mwissija biex ma jivvjaġġawx ‘il hinn minn Ġerusalemm u l-madwar, jew ‘il hinn miz-zoni ta’ Tel Aviv u Beersheba.

Dan ukoll meta l-Istati Uniti qed teżerċita l-massimu tal-kawtela f’din is-sitwazzjoni imprevedibbli –  b’numru ta’ uffiċjali Amerikani li xtaqu li jibqgħu anonimi – iwissu, mingħajr ma taw dettalji, li l-Iran jista’ anki qed iħejji attakk (fuq Iżrael) għal tmiem din il-ġimgħa.

Hemm ukoll xi sorsi li jemmnu li l-attakk kapaċi jinkludi d-drones flimkien mal-missili cruise u ballistiċi u li dan għandu jikkonċentra fuq il-faċilitajiet militari ta’ Iżrael.

Fl-istess ħin, fl-aħħar sigħat, ma waqfux l-isforzi diplomatiċi biex jevitaw firxa tal-gwerra ta’ Gaza lejn iz-zoni oħrajn tal-Lvant Nofsani.