Lokali

“Jintwera diżappunt fl-organizzazzjoni tal-Malta Biennale” – PN

Wara l-ftuħ uffiċjali b’ħafna pompa tal-Malta Biennale, ix-xahar li għadda l-Partit Nazzjonalista nnota ħafna nuqqasijiet.

Dan l-avveniment kellu allokat €1.7 miljun u bħal f’sitwazzjonijiet oħrajn, il-Gvern Laburista naqas milli jikkonsulta, f’dan il-każ mal-artisti, u naqqas milli jagħti informazzjoni, jikkomunika u jkun trasparenti. Kien hemm ukoll nuqqas ta’ ħsieb fil-loġistika u anke nuqqas ta’ viżjoni. Dan qalitu wkoll il-Malta Entertainment Industry and Arts Association (MEIA) din il-ġimgħa, fejn uriet it-tħassib tagħha dwar kif imxew l-affarijiet anke mal-membri tagħha stess.

Il-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija minn Julie Zahra, ix-Shadow Minister għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Kultura. jtenni li hu favur li l-artisti kollha, b’mod speċjali dawk Maltin u Għawdxin, ikollhom opportunità jesebixxu x-xogħlijiet tagħhom għax dan hu ta’ ġid għalihom, filwaqt li juri t-talent ta’ pajjiżna. Hu tajjeb ukoll li jkollna avvenimenti bħal dawn, bl-iskop li jrawmu apprezzament tal-kultura fil-poplu tagħna. Iżda mhux aċċettabbli li dan isir b’nefqa daqstant kbira u bla kontroll, bil-flus setgħu jintużaw aħjar biex ikunu megħjunin l-artisti u nies oħrajn fis-settur.

Barra minn hekk, jidher biċ-ċar li l-iskop ta’ dan il-biennale kien primarjament biex jattira lit-turisti u mhux lill-familji Maltin. Naraw dan anke fil-prezz tal-biljetti ta’ ħamest ijiem, li jiswa ħafna aktar mill-Biennale ta’ Venezia, li hu wieħed mill-aqwa. Dan wassal għal nuqqas ta’ konkorrenza mill-pubbliku.

Il-Partit Nazzjonalista jinnota wkoll il-kritika ħarxa dwar il-Malta Biennale fuq artiklu li deher fil-magazine ‘The Spectator’, li fost oħrajn jgħid “In Malta, I got the sense that the organisers had visited the last couple of big biennial art exhibitions and used them as a template for how theirs should look.” Ikompli jżid “Does not speak volumes for their wisdom” – Digby Warde-Adam (2024).

Kritika bħal din ma tawgurax tajjeb lil pajjiżna u tagħmel biss ħsara lir-reputazzjoni tagħna ma’ pajjiżi oħra u anke artisti li potenzjalment ikollhom interess jesebixxu xogħolhom hawn. Wieħed jibda jiddubita jekk il-ħsieb ta’ wara l-biennale kienx verament li jgħin ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u dik tal-Belt Valletta, li s’issa għandha t-titlu ta’ World Heritage Site, inkella kienx proġett ta’ vanità ta’ xi individwi.

In-nuqqas ta’ ppjanar, organizzazzjoni, komunikazzjoni u trasparenza qed ikomplu jtappnu u jpoġġu lil pajjiżna f’dell ikrah. Tant l-iskop ma kienx li titrawwem il-kultura, li lanqas biss kien hemm offerti u inċentivi biex l-iskejjel iżuru dawn l-esebizzjonijiet.

Ix-Shadow Minister għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Kultura, qalet li l-Partit Nazzjonalista u l-poplu jistennew li l-Gvern jevalwa sew is-‘suċċess’ ta’ dan il-biennale, filwaqt li jistaqsi għal reazzjonijiet mingħand l-artisti li ħadu jew qed jieħdu sehem, tinġabar statistika u informazzjoni essenzjali biex dan kollu jkun utilizzat jekk tkun organizzata Malta Biennale oħra fis-snin li ġejjin.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li avvenimenti ta’ dan il-kalibru jkunu ta’ suċċess meta wieħed jikkonsulta, jikkomunika u jkun ċar fid-deċiżjonijiet, fl-għażla tal-bord biex jintgħażlu l-artisti, kif ukoll trasparenti kif jingħataw il-grants lill-artisti.