Lokali Qorti

Keith Schembri u Silvio Valletta għandhom jitressqu l-Qorti fuq leaks fl-investigazzjoni tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia – Repubblika

L-NGO Repubblika qed tappella lill-Avukat Ġenerali u lill-Kummissarju tal-Pulizija biex “minnufih” jipproċedu kontra l-Eks Chief of Staff f’Kastilja, Keith Schembri u lill-Eks Deputat Kummissarju Silvio Valletta bħala suspettati talli ħarġu informazzjoni sensittiva dwar l-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Dan wara l-kritika li ngħatat fis-sentenza mogħtija l-Erbgħa mill-Imħallef Wenzu Mintoff li, filwaqt li rrifjuta t-talba ta’ Yorgen Fenech biex ineħħi lill-investigatur ewlieni Keith Arnaud mill-każ tal-qtil, ta ċanfira lill-awtoritajiet dwar diversi “nuqqasijiet istituzzjonali”.

Fis-sentenza ta’ 155 paġna, il-Prim’Awla, Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni kostituzzjonali tagħha ddenunzjat dawk in-nuqqasijiet li setgħu affettwaw b’mod negattiv l-investigazzjonijiet dwar il-qtil tal-ġurnalista fl-2016.

Primarji fost dawk in-“nuqqasijiet” kienu l-“leaks kontinwi” ta’ informazzjoni sensittiva u kunfidenzjali li l-investigaturi qasmu waqt briefings f’Kastilja. Keith Schembri, bħala l-id il-leminija tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, kompla jattendi għal dawk il-briefings mingħajr ma żvela l-“ħbiberija fraterna” tiegħu ma’ Yorgen Fenech, in-negozjant li issa qed jistenna li jgħaddi ġuri bħala allegat kompliċi fil-qtil.

Is-sejħa ta’ Repubblika tiffoka l-aktar fuq paragrafu wieħed partikolari f’dik is-sentenza fejn l-Imħallef Mintoff jgħid li l-qorti kienet temmen li kien hemm “indikazzjonijiet ċari” dwar min kien responsabbli għal tali leaks li setgħu wasslu għal tbagħbis possibbli tal-evidenza.

U dawk il-leaks setgħu wkoll kellhom “effett devastanti fuq il-fiduċja pubblika fil-korp tal-pulizija, l-immaġni u l-kredibilità tiegħu,” qal l-imħallef. Iżda aktar importanti minn hekk, il-qorti ddikjarat li “hemm indikazzjonijiet ċari dwar min kien responsabbli u biżżejjed evidenza biex dawn il-persuni jiġu akkużati b’dawn ir-reati.”

Il-Ġimgħa, Repubblika ressqet protest ġudizzjarju quddiem il-Prim’Awla, Qorti Ċivili fejn sostniet li l-Imħallef Mintoff kien qed jindika b’mod ċar fid-direzzjoni ta’ Schembri u Valletta. Kemm l-Avukat Ġenerali kif ukoll il-Kummissarju tal-Pulizija, li għandhom interess fil-każ ta’ Fenech, kellhom dawk il-provi kollha msemmija mill-Imħallef f’idejhom.

Għal din ir-raġuni, Repubblika issa appellat lil dawk iż-żewġ awtoritajiet biex jieħdu azzjoni kriminali kontra Schembri u Valletta “minnufih u mingħajr dewmien”. Anke jekk id-deċiżjoni tal-Imħallef Mintoff għadha suġġetta għal appell, xejn ma jista’ jolqot il-provi miġbura f’dawk il-proċeduri u l-ebda appell ma jista’ jħassar dak li qal l-Imħallef dwar li hemm biżżejjed provi biex Schembri u Valletta jiġu akkużati bil-leaks.

Sakemm l-AĠ u l-Kummissarju tal-Pulizija ma jaġixxux fi żmien sebat ijiem mill-avviż tal-protest ġudizzjarju, Repubblika qed tieħu dan bħala tali li ma’ għandhomx l-intenzjoni li jagħmlu dan. Il-protest ġie ffirmat mill-Avukati Eve Borg Costanzi u Matthew Cutajar.