Lokali Transport

KONFERMAT IR-RAPPORT TA’ NET NEWS: 11-il karozza tal-linja tneħħew mis-servizz bħala parti minn miżura ta’ prekawzjoni

Wara li tressaq il-protest ġudizzjarju, l-Awtoritá dwar it-Trasport f’Malta (MTP) tat struzzjonijiet lil Malta Public
Transport sabiex ħdax-il vettura jitneħħew mis-servizz bħala parti minn miżura ta’ prekawzjoni.

Malta Public Transport (MPT) obdiet l-istruzzjonijiet immedjatament u għalhekk disgħa minn dawn il-vetturi tneħħew mill-ewwel mis-servizz u marru sabiex jiġu spezzjonati mill-istess Awtorità. Żewġ vetturi ma kinux fis-servizz kif ġie spjegat ilbieraħ.

Il-MPT qed tgħid li dan bl-ebda mod ma jfisser li dawn il-ħdax-il vettura ma kinux fi stat tajjeb u li kellhom ħsarat jew difetti.

L-Awtorità dwar it-Trasport f’Malta, bħala l-awtorità, tat struzzjonijiet lill-Malta Public Transport, u bħala operatur li hu konformi bis-sħiħ mal-liġi, obda u esegwixxa l-ordni li ngħatat.

Ta’ min isemmi wkoll li barra minn hekk, il-Malta Public Transport kompliet bil-programm ta’ manutenzjoni regolari, fejn kuljum jiġu ċċekkjati 18-il karozza tal-linja bħala parti mill-manutenzjoni preventiva. Dan m’għandu x’jaqsam xejn mal-imsemmija kwistjoni u fil-fatt hija prassi normali li l-kumpanija teseġwixxi ta’ kuljum.