Lokali Saħħa

Paga enormi għal Robert Xuereb bħala Kap tal-FMS

Il-Konsulent Mediku Robert Xuereb li issa qed isservi bħala Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, qed jitħallas €122,000 fis-sena. Dan ifisser li Xuereb qed jitħallas €40,000 inqas mil-preċessur tiegħu Carmen Ciantar, iżda xorta d-doppju ta’ kemm jitħallas il-Prim Ministru.

Koppja tal-kuntratt ta’ Robert Xuereb ingħata lit-Times of Malta wara li għamlu talba skont il-Liġi għal-Libertà tal-Informazzjoni. Però, fit-tweġiba li ngħatat lit-Times, il-maġġoranza tad-dettalji kienu mgħottija. Fil-fatt, l-aħħar kollona biss ma kenitx mgħottija – li turi t-total ta’ kemm jitħallas il-Kap tal-FMS.

Il-Fondazzjoni qalet li d-dettalji kienu mħassra għax dik l-informazzjoni jista’ jkollha impatt ħażin fuq in-negozjati bejn il-Gvern u entitajiet oħra. Madanakollu, in-nuqqas ta’ informazzjoni li hija mogħtija qed tiġi meqjusa bħala mossa stramba hekk kif normalment il-kuntratti jkunu pubblikati fl-intier tagħhom, bħal ma kien il-każ tal-kuntrat ta’ Frank Fabri bħala CEO ta’ Aquatic Resources.

Il-kuntratt ta’ Xuereb, kien iffirmat fl-1 ta’ Marzu u huwa validu għal tlett snin sal-2026; u minkejja li nafu  kemm qed jitħallas fis-sena, xorta mhemmx informazzjoni dwar kemm hi l-paga bażika, kemm qed jitħallas f’allowances, kemm hu il-performance bonus, id-disturbance allowance kif ukoll l-allowance għal karozza bħala Kap tal-FMS.

Skont il-kuntrat, Xuereb mhux suppost li jagħmel xogħlijiet oħra – però klawżola speċjali tippermetilu  iservi bħala konsulent tal-kardjoloġija f’Mater Dei.

Carmen Ciantar, li kienet isservi bħala Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, kienet viċin ħafna tal-Ministru Chris Fearne.

Hi kienet issospendiet ruħha mill-kariga wara allegazzjonijeit li ħarġu minn rapport fil-media tal-Paksitan. Però, ftit tal-ġimgħat wara, kienet irritornat fl-istess pożizzjoni fejn kienet qalet li xi persuni pprovaw joskuraw lilha biex iwettqu frame-up fuq Chris Fearne; allegazzjoni li ħadd ma ċaħad.

Eventwalment, l-impjieg tagħha kien terminat meta laħaq JoEtienne bħala Ministru tas-Saħħa.