Lokali Qorti

Probation u multa fuq pusses ta’ cannabis u ecstacy

Pollakk ta’ 23 sena residenti San Pawl il-Baħar, tpoġġa taħt ordni ta’ probation għal sena u mmultat €900 wara li ammetta li kellu disa’ pjanti tal-cannabis. Igor Levinski kien mixli li fit-8 ta’ April li għadda, u fil-ġranet ta’ qabel, ikkultiva l-pjanta tal-cannabis u kellu fil-pussess tiegħu kemm din id-droga kif ukoll l-ecstasy.

Il-prosekuzzjoni qalet li fit-30 ta’ Marzu li għadda, Levinski u żewġt iħbieb tiegħu argumentaw ma’ raġel li kien qed ipejjep il-cannabis fil-pjazza ta’ Ħaż-Żebbuġ. L-argument beda wara li r-raġel stieden lill-imputat u lil sħabu jidħlu fir-residenza tiegħu biex jixtru l-cannabis.

Fl-argument, wieħed mill-irġiel kellu sikkina f’idu. Wara li l-Pulizija arrestat liż-żewgt irġiel, wettqet tfittxija fir-residenza tal-akkużat fejn sabitlu disa’ pjanti tal-cannabis u tagħmir li jintuża għall-kultivazzjoni tal-istess pjanta.

Waqt it-trattazzjoni għall-piena, l-avukat difensur qal li l-akkużat kellu fil-pussess tiegħu disa’ pjanti tal-cannabis għax mingħand min xtara l-pjanta, qallu li ħafna mill-pjanti jmutu malajr. Wara li sema’ l-argumenti tal-partijiet dwar il-piena, il-Maġistrat Leonard Carauna poġġa liż-żagħżugħ taħt ordni ta’ probation għal sena u mmultah €900.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Francesca Calleja waqt li għall-akkużat deher l-Avukat Joseph Calleja Parnis.