Minħabba d-dilettantiżmu fil-politika tal-enerġija tal-Gvern, il-Maltin u l-Għawdxin se jħallsu €37 miljun ewro għal ftit ġenerators li se jintużaw biss għal massimu ta’ 47 ġurnata. Dak li jiġri meta ma tippjanax.
Dan kien il-messaġġ li ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-Shadow Minister għall-Enerġija, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Ryan Callus u mill-Kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Lee Bugeja Bartolo, li nnutaw kif il-Partit Laburista qatt ma kellu pjan ta’ veru fl-enerġija meta ma kkunsidrawx l-iżvilupp li għadda minnu l-pajjiż.
Huma spjegaw li s-sitwazzjoni waslet f’dan l-istadju wara li l-Gvern Laburista kabbar il-popolazzjoni ta’ pajjiżna bla pjan u bla ħsieb. U wara dak li għaddejna minnu fis-sajf li għadda, din id-deċiżjoni hi tat-tħassib għax ma tagħtix garanzija għas-sajf li ġej.
Il-kelliema qalu li din id-deċiżjoni hi waħda li tħammeġ u pass lura minflok ‘il quddiem meta wieħed jikkunsidra li se mmorru għal sistema li titħaddem bid-diesel. Dan bħal li kieku l-Partit Laburista qisu nesa l-attakki li kien jagħmel meta kien jiddiskrivi l-ġenerazzjoni tal-enerġija bl-istess fuel bħala “fabbrika tal-kanċer”. B’hekk, jidher ċar li l-Gvern Laburista m’għandu l-ebda rieda politika li jaġġorna għal teknoloġiji u inġineriji moderni.
Huma qalu li għall-abbandun tal-pjan tal-enerġija tal-Partit Nazzjonalista, li sa minn qabel l-2013 kien jinkludi t-tieni interconnector u l-impjant ta’ proġett maġġuri tal-offshore wind farm, qed ibati l-poplu minn butu. Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista ilu s-snin li ppreżenta pjan għall-użu ta’ enerġija rinnovabbli, li hu evidenti li l-Partit Laburista ma jinteressahx minnha.
//= $special ?>