Internazzjonali

Stat tal-Palestina: Michel irid il-koordinazzjoni tal-UE mal-Istati lil hinn minnha biex it-tragward ikun realizzat

Il-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, jinsab determinat li jasal għal konsensus sħiħ fost is-27 pajjiż tal-Unjoni Ewropea biex huma, flimkien, jirrikonoxxu Stat tal-Palestina.

Michel, fuq kollox, jemmen fil-ħtieġa għall-koordinazzjoni, fuq livell tal-UE, fost l-Istati membri li huma lesti għar-rikonoxximent ta’ Stat sovran għall-Palestinjani. Dan wara li pajjiżi bħal Spanja, l-Irlanda, l-Islovenja u Malta esprimew ruħhom disposti għal dan il-pass.

Fl-istess ħin, Charles Michel qed jissuġġerixxi biex jissieħbu fl-inizjattiva anki l-pajjiżi li mhumiex membri tal-UE u li jemmnu fit-twaqqif ta’ Stat għall-Palestinjani.

Fil-preżent, disa’ pajjiżi tal-UE jirrikonoxxu formalment id-dritt tal-Palestinjani biex ikollhom Stat għalihom. Sadanittant, il-pożizzjoni uffiċjali tal-UE tesiġi li l-Unjoni għandha tirrikonoxxi uffiċjalment lill-Istat tal-Palestina ladarba dan jitwaqqaf bħala parti minn soluzzjoni bbażata fuq żewġ Stati (il-Palestina u Iżrael) li jeżistu maġenb xulxin.

Is-soluzzjoni partikulari hi l-proposta għall-paċi fir-reġjun kif inhi aċċettata mill-komunità internazzjonali.