Sport

Bidu mill-aqwa tat-Tour ta’ Malta 2024

Bidu mill-aqwa fl-ewwel ġurnata għall-Maltin ...ħamsa fuq il-podium11 ta' April 2024

L-ewwel ġurnata tat-28 Edizzjoni tat-Tour ta’ Malta taċ-Ċikliżmu, bis-sehem ta’ diversi ċiklisti lokali flimkien ma’ oħrajn barranin, rat dominanza Maltija fil-bidu tat-Tour fejn ħames ċiklisti lokali spiċċaw fuq il-podium. 

L-ewwel tappa kienet tikkonsisti f’Time Trail Individwali fuq iċ-ċirkwit ta’ 5km kilometru tal-Coast Road, fis-Salini, fejn iċ-ċiklisti kollha għamlu tliet dawriet għal distanza totali ta’ 15-il kilometru.

L-attenzjoni prinċipali kienet fuq il-kategorija Elite, fejn fl-ewwel post daħal il-Malti Bernard Galea, ta’ The Cyclist/Agones, f’ħin ta’ 24 minuta u 5 sekondi. Fit-tieni post spiċċa t-Taljan Simone Cerio, ta’ ASD Team Simo Bike, 5 sekondi warajh, filwaqt li Heorhii Antonenko, ta’ OBOR-BIKE AID Cycling Team (Svizzera), spiċċa t-tielet f’ħin ta’ 24 minuta u 28 sekonda.

Il-kategorija tan-Nisa ntrebħet mil-Maltija/Awstraljana Jessica Pratt, tat-Team Greens, f’ħin ta’ 27 minuta u 35 sekonda. Tmien sekondi warajha daħlet l-Ingliża Mathilde Pauls, ta’ FTP RACING (UK), mentri l-Maltija Marie Claire Aquilina tat-Team Greens, spiċċat it-tielet f’27 minuta u 45 sekonda.

Fil-kategorija tal-Masters, il-Kolumbjan Joaquin Rojas, tat-Team Greens, spiċċa fl-ewwel post f’ħin ta’ 25 minuta u sekonda. Tliet sekondi biss warajh spiċċa sieħbu Etienne Bonello, ukoll tat-Team Greens, mentri Mark Zammit, ta’ Mosta CC, daħal fit-tielet pożizzjoni f’ħin ta’ 25 minuta u 23 sekonda.

Fi tmiem dan l-istadju, Julian Pace Bonello, President tal-Kumitat Olimpiku Malti, ippreżenta l-midalji u l-flokk l-aħmar lir-rebbieħa. Għal darb’oħra dan it-Tour qed jsir taħt l-awspiċji tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu, bis-sapport ta’ SportMalta u l-Kumitat Olimpiku Malti.

It-Tour ta’ Malta jkompli llum il-Ġimgħa, b’tiġrija fuq iċ-ċirkwit ta’ 3.5km tal-by-pass ta’ Ħaż-Żebbuġ fejn l-Elite ser jagħmlu 15-il-dawra, filwaqt li n-Nisa u l-Masters ser jagħmlu 12-il dawra. It-tluq ser ikun fl-10am.