Futbol Sport

Floriana b’rebħa kbira fuq Mosta u prestazzjoni konvinċenti fil-mixja lejn it-titlu

Ritratt: Joseph Galea)

Neil Camenzuli

FLORIANA………………………. 4

MOSTA……………………………. 0

Floriana: G.Kitanov, O.El Hasni, K.Reid, M.Nogureira (J.De Grazia 61’), D.Vella, O.Spiteri, M.Garcia (J.Grech 61’),  C.Lonardelli (A.Garzia 85’), M.Valadzko, A.Kouro, L.Furtado (C.Rovas 76’)

Mosta: U.Akpan,  G.Chara, D.Aneni (S.Thomas 24’) L.Tenebe, A.Hovhannisyan (B.Farrugia 78’), D.Britto, N.Agius, J.Scerri, J.Vassallo (S.Cashia 46’), Z.Brincat (C.Nnaji 46’), K.Tullimieri (C.Nwoga 46’)

Imwissija: G.Chara 42’, L.Tenebe 56’ (M)

Tkeċċa: Bradley Farrugia 90’ (M)

Skorjaw: L.Furtado 23’, 37’, O.Spiteri 43’, C.Rovas 90’(F)

Referee: Glenn Tonna

Assistenti Referees: Shaun Calleja u Kurt Saliba

BOV Plejer tal-Logħba: Luis Willis Furtado (Floriana)

Il-Mument Plejer tal-logħba: Luis Willis Furtado (Floriana)

Floriana kisbu rebħa impressjonanti ta’ 4-0 fuq Mosta, bil-Greens ikomolu jitfgħu l-pressjoni fuq Ħamrun Spartans li qed jokkupaw it-tieni post. Intant, għal Mosta dan ir-riżultat m’huwa xejn sabiħ hekk kif jinsabu fil-11-il post, u riskju ta’ relegazzjoni.

Floriana bdew fuq l-offensiva hekk kif wara biss 6 minuti logħob xutt tajjeb minn barra l-kaxxa ta’ Garzia jgħaddi ftit barra, bil-Furjaniżi juru li se jiddominaw il-partitia.

Wara 20 minuta Floriana rebħu penalty meta l-goalkeeper ta’ Mosta Akpan ikkometa foul fuq l-attakant Nogureira. Minuta wara l-istilla tat-tim Luis Willis Furtado sab ix-xibka għas-7 gowl fil-kampjonat.

Fid-29 minuta l-ewwel azzjoni denja ta’ nota għal Mosta li wasal minn xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa ta’ Hovhannisyan, bil-goalkeeper jevita l-periklu tajjeb.

Kważi kwarta wara li rebħu l-ewwel penalty Floriana rebħu penalty ieħor. Din id-darba Valadzko twaqqa’ fil-kaxxa min Hovhannisyan. L-istess Luis Willis Furtado sab ix-xibka għat-tieni gowl tal-partita.

Fit-42 minuta Floriana komplew il-prestazzjoni mill-aqwa tagħhom meta Owen Spiteri tefa’ ġewwa mill-viċin wara li l-ewwel konklużjoni ta’ El Hasni kienet salvata tajjeb minn Akpan.

Tieni taqsima kwieta għal kollox, bil-partita tieħu l-ħajjar fl-aħħar minuti.

Fit-82 minuta s-sostitut Mattia Veselji kellhu ċ-ċans li jkompli jkabbar l-iskor meta ma sabx ix-xibka minn ftit metri ‘l bogħod minn kross ta’ Reid.

Minuta wara, sostitut ieħor din id-darba Jake Grech ittanta xortih minn barra l-kaxxa , bit-tentattiv jiġi salvat minn Akpan.

Veselji u Grech għal darb’oħra perikolużi ftit sekondi wara meta minn kontrattakk veloċi ta’ Kemar Reid, Veselji pprova jsib ix-xibka minn ftit metri’l bogħod, bil-goalkeeper Akpan isalva tajjeb imma l-ballun jaqa’ f’saqajn Grech, bil-midfielder jitfa’ barra.

Il-Furjaniżi wara ħafna azzjonijiet fl-aħħar sabu x-xibka meta minn azzjoni tajba ta’ Veselji mil-lemin, il-Grieg Christos Rovas ikkapitalizza fuq l-iżball ta’ Chara.

Il-partita kompliet toffri ħafna storja meta fl-aħħar sekondi tal-partita tkeċċa ż-żagħżugħ Bradley Farrugia fl-ewwe partita tiegħu ma’ Mosta wara li kkometta foul ikrah fuq El Hasni.

Il-plejer ta’ Mosta Jake Vassallo bil-pussess tal-ballun (Ritratt: Joseph Galea)