Lokali

“Ħamsa minn tal-linja msemmija fil-Protest Ġudizzjarju kellhom ċuċati żgħar”

F’telefonata li saret waqt il-programm li mexxa s-Sibt filgħodu l-preżentatur Andrew Azzopardi, il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta Mark Mallia qal li ħamsa mill-11-il tal-linja li ġew imsemmija fil-Protest Ġudizzjarju li tressaq din il-ġimgħa kellhom “ċuċati żgħar”.

Il-kontroversja dwar dawn il-karozzi tal-linja bdiet wara li supervisor allega li kien hemm vetturi difettużi li tħallew iduru fit-toroq; xi ħaġa li l-Malta Public Transport qed tiċħad.

Fuq l-RTK, Mark Mallia kkonferma li saru spezzjonijiet minn Transport Malta fuq dawn il-karozzi tal-linja.

“Mill-11-il karozza tal-linja li kien hemm imsemmija fil-Protest Ġudizzjarju, tnejn diġa’ ma kienux qed joperaw għaliex waħda kienet qed tintuża’ għat-tagħlim b’mod sostanarju u l-oħra diġa’ kienet qiegħda għal xi manutenzjoni. Mid-disgħa l-oħra, kellek erbgħa li għaddew mill-ewwel u l-ħamsa l-oħra li kellhom ċuċati żgħar. Bħal meta jkollok problema f’xi bozza jew bumper.”

Fi stqarrija maħruġa mill-Malta Public Transport intqal illi disa’ karozzi tal-linja ġew ittestjati f’faċilità indipendenti fil-preżenza ta’ Uffiċjali minn Transport Malta u minn impjegati tal-Malta Public Transport.

Ingħad li l-karozzi tal-linja kollha għaddew mit-test sħiħ tagħhom inkluż it-test tal-brejkijiet. Għalkemm ġew innutati xi ħsarat żgħar, u dawn kollha ġew irranġati.

Il-karozzi tal-linja għalhekk reġgħu tpoġġew fis-servizz bl-approvazzjoni tal-Awtorità tat-Trasport.