Lokali

“Il-Partit Laburista m’għadux il-partit taż-żgħir”

Is-Sindku tal-Gżira – li kien irriżenja mill-Partit Laburista – ħareġ mill-ġdid jikkritika lill-Gvern fuq diversi kwistjonijiet, fejn wera biċ-ċar li Robert Abela qed jinjora l-bżonnijiet veri tal-poplu Malti u Għawdxi.

“Il-Partit Laburista m’għadux il-partit tal-ħaddiema, taż-żgħir.”

Fuq l-RTK, Borg Manche fakkar li Robert Abela u sħabu vvotaw kontra li ssir Inkjesta Pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia; għalkemm imbgħad, kellu jagħmel u-turn meta kien affaċjat bi protesti kbar.

Fi kliem l-eks esponent tal-Patit Laburista, dan kien “insult” għall-Maltin u l-Għawdxin.

Conrad Borg Manché insista li Robert Abela kellu jirreżenja wara li ħareġ biċ-ċar il-fatt li huwa aġixxa b’dan il-mod sabiex jgħatti lil tal-qalba.

“Ma jistax ikollok il-Gvern li jivvota kontra. M’hawnx persuna waħda f’sensiha li ma jridx ikun jaf x’ġara eżatt. Mietet persuna. X’jista’ jsir agħar?”

Mistoqsi dwar ir-riżenja tiegħu minn mal-Partit Laburista, Borg Manché qal li fis-snin kemm ilu fit-tmexxija bħala sindku tal-Gżira ra nuqqas kbir ta’ konsultazzjoni; tant li l-Kunsill Lokali ma kienx jitħalla jmexxi sew fl-irwol tiegħu.

“Xogħol il-kunsill huwa bħal Parlament żgħir biex ngħaddu liġijiet żgħar. Tmur biex jiġu applikati u l-awtoritajiet jgħidulek li diġa’ hemm liġijiet fis-seħħ.”

Is-Sindku tal-Gżira Conrad Borg Manché kien ħabbar uffiċjalment ir-riżenja tiegħu mill-Partit Laburista fit-8 ta’ Ottubru tal-2023 wara li kien ilu xhur sħaħ iwissi dwar diversi kwistjonijiet serji; iżda ħadd mill-Gvern ma ta kasu – anzi, spiċċa ġie injorat.