Lokali

“Jeħtieġ li nirregolaw u nimplimentaw” – Myriam Spiteri Debono dwar is-settur tal-kostruzzjoni

Il-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono saħqet li s-settur tal-kostruzzjoni f’pajjiżna jeħtieġlu liġijiet tant meħtieġa li jiġu implimentati minnufih.

Dan intqal waqt il-programm ippreżentat minn Andrew Azzopardi fuq RTK meta kienet qed twieġeb għal mistoqsija dwar il-każ ta’ Jean Paul Sofia. B’dan is-settur tqisu bħala wieħed li għadu lura ferm fejn jidħlu l-liġijiet u l-implimentazzjoni tagħhom.

“Irid jiġi rregolat aħjar. U x’ħin ikun hemm ir-regoli, irridu nimplimentawhom. Raġuni simplistika iżda ma tirrekjedix iżjed minn hekk. Ħlief impenn u rieda tajba biex ikollna r-regolamentazzjoni tajba u meħtieġa u li din nimplimentawha.”

Intant, dwar in-nisa fit-tmexxija, Myriam Spiteri Debono saħqet kemm huwa importanti li dan l-aspett ikun dejjem wieħed ugwali sabiex tgawdi s-soċjetà kollha.

“Iġġib laqta’ differenti żgur. Biss naħseb li maż-żmien, speċjalment meta n-nisa ħarġu mid-djar – għaliex l-ikbar rivoluzzjoni għan-nisa dejjem tkun meta dawn jakwistaw indipendenza finanzjarja, il-pedament ta’ kollox. Jista’ jkun li dawn ikollhom ċertu kwalitajiet li għandhom l-irġiel. Però inqis li n-nurturing nature tal-mara hija ħarira iktar profonda minn tar-raġel.”