Intom xbieha sabiħa tal-wiċċ univesali tal-Knisja Kattolika u tal-fidi tagħna.
Hekk qal l-Arċisqof ta’ Malta, Charles J. Scicluna is-Sibt filgħodu waqt quddiesa li fiha ġew ordnati erba’ djakni ġodda – żewġ djakni Maltin, ieħor minn Singapore, u mill-Indja.

L-erba’ djakni ġodda huma s-seminarista Matthew Sammut mill-Paroċċa ta’ Kristu Rxoxt f’Pembroke, Johan Bugeja, Salesjan ta’ Don Bosco u Tian Ci Shawn Dominic Wong minn Singapore u Jerome Savioraj Barnabas mill-Indja li huma studenti tal-Institute for World Evangelisation – ICPE Mission.

Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof stieden lid-djakni l-ġodda sabiex jibqgħu qawwija fil-fidi u r-relazzjoni tagħhom ma’ Ġesù permezz tat-talb.
L-Arċisqof kompla li din l-ordinazzjoni ta’ dawn l-erba’ żgħażagħ tikkonferma li bħal Ġesu se jkunu ta’ servizz għal kull persuna fil-komunità. Dan hekk kif id-djakni l-ġodda jsiru xebh ma’ Ġesù Kristu u jsiru qaddejja ta’ kulħadd.

Id-djakni jiddedikaw ħajjithom għall-qadi bl-imħabba fis-servizz tagħhom lejn il-poplu, jassistu lill-isqfijiet u s-saċerdoti fiċ-ċelebrazzjoni tal-misteri qaddisa, l-aktar tal-Ewkaristija, jamministraw is-sagrament tal-magħmudija, jassistu għaż-żwieġ u jberkuh, ixandru l-Evanġelju u jipprietkawh, u jmexxu t-talb tal-funerali.
