Lokali

SAGA LI MA TRID TISPIĊĊA QATT: Ikompli d-dewmien għat-tlestija ta’ xogħol fuq toroq ewlenin

Issa għaddew tliet ġimgħat mindu Infrastructure Malta, permezz ta’ post fuq Facebook, kienu ħabbru li parti minn Triq Għajn Tuffieħa mir-roundabout tax-Xemxija sa Triq San Martin se tkun lesta u miftuħa għat-traffiku wara xhur ta’ xogħol fuqha. Iżda minkejja din il-wiegħda, ġimgħat wara, din it-triq għadha mhix konkluża u mimlija inġenji.

Triq li bħal ħafna oħrajn madwar pajjiżna, mhux biss kien hemm dewmien fuqhom ta’ ġimgħat u xhur iżda saħansitra saret għal darba, tnejn, tlieta. Xogħol li ilu għaddej fuqha għal xejn inqas minn tliet snin u m’hemmx ħjiel li dan ix-xogħol wasal biex jiġi fi tmiemu.

Fil-fatt, partijiet mit-triq jidhru li kienu lesti bit-tarmak iżda reġgħu nqalgħu kompletament, b’Infrastructure Malta tgħid li qed isiru konnessjonijiet tal-mains tal-ilma u xogħol t’asflat.

Triq li ġabet magħha ħafna kritika mir-residenti u persuni li jużaw din ir-rotta regolarment hekk kif għal xhur sħaħ qed ikollhom jużaw toroq alternattivi. B’riżultat ta’ dewmien enormi u saħansitra żieda fit-traffiku.

L-ewwel wiegħda li saret kienet li din it-triq suppost kellha titlesta sa qabel il-Milied tas-sena l-oħra, propju sat-23 ta’ Diċembru. Bit-tieni wiegħda tkun id-data tat-23 ta’ Marzu – saga li tidher li ma trid tispiċċa qatt.

Din il-ġimgħa, il-PN wissa kemm qed joħloq inkonvenjent dan in-nuqqas kbir ta’ pjanar; proġetti li mhux biss qed iżidu t-traffiku imma jfissru wkoll spiża ta’ flejjes kbar.

Ritratti: Michael Farrugia