Lokali

Bernard Grech jipproponi tnaqqis tat-taxxi u inċentivi għal min iħaddem

“Il-Partit Nazzjonalista huwa l-partit li jista’ joffri stabbiltà; huwa l-partit li qed jaħdem għall-ħaddiem u għalhekk huwa l-partit li jista’ joffrilek ħajja aħjar.”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech sostna dan waqt attività politika li saret il-Ħadd filgħodu fl-Imsida, fejn tkellem dwar diversi temi oħrajn fosthom is-saħħa, l-edukazzjoni, l-għoli tal-ħajja u l-infrastruttura.

Bernard Grech qal li l-Gvern ta’ Robert Abela huwa Gvern bla pjan u bla direzzjoni għall-pajjiżna. Dan filwaqt li l-Partit Laburista m’għadux il-partit tal-ħaddiema iżda sar partit li jisraq l-ispazji miftuħa. Hawnhekk, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li huwa l-Partit Nazzjonalista li jista’ joffri l-istabbiltà li għandu bżonn pajjiżna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista enfasizza fuq l-importanza li l-COLA ma tkun intaxxata, kif ukoll li jkollna mudell ekonomiku bbażat fuq il-kwalità flok fuq il-kwantità.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li s-settur tas-saħħa jinsab għarkupptejh b’pazjenti fil-kurituri u dewmien esaġerat fl-emerġenza. Bernard Grech fakkar kif anke hawnhekk, il-Partit Laburista mar lura minn kelmtu hekk kif l-isptar biswit Mater Dei għas-saħħa mentali akuta mhux se jsir.

Wegħda li ssemmiet f’budget wara l-ieħor iżda issa sfumat fix-xejn.

Apparti minn hekk, Bernard Grech qal ukoll li f’pajjiżna għandna kriżi fis-settur tal-enerġija, dan filwaqt li fakkar fil-proposti tal-Partit Nazzjonalista fuq dan is-suġġett fost l-oħrajn li jkollna t-tieni interconnector u li ninvestu f’enerġija alternattiva.

Intant, Bernard Grech aċċenna sabiex fit-8 ta’ Ġunju l-poplu joħroġ jivvota lill-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista għaliex dik il-fiduċja se tissarraf f’ħidma bil-għan li l-poplu jkollu ħajja aħjar f’pajjiżna.