Knisja Kultura Lokali

Il-Furjaniżi jiċċelebraw il-festa ta’ San Publiju

“Inħallu qalbna miftuħa għal kulħadd bħalma għamel San Publiju. Il-qalb ħelwa mhix qalb dgħajfa, imma qalb li taf taħfer, tagħder u tħenn.”

Dan kien il-messsaġġ li wassal l-Arċisqof Charles Scicluna fil-pontifikal fil-festa ta’ San Publiju fil-Furjana.

Waqt l-omelija, Monsinjur Scicluna tkellem fuq l-importanza ta’ pajjiżna u li kien San Publiju li propju laqa’ lil San Pawl f’Malta u lil dawk li kienu miegħu fil-ġifen. Ġrajja li ġabet barka kbira f’pajjiżna.

Huwa saħaq li San Publiju fetaħ il-bieb tas-saħħa ta’ vera, u ta l-fidi lill-poplu Malti, bid-don tal-fejqan. Hawnhekk Monsinjur Scicluna fakkar li kien propju San Pawl li fejjaq lil missier San Publiju.

Monsinjur Charles Scicluna qal li għandna nirringrazzjaw lil Alla li għallimna kif tkun tassew wild dehen ta’ Malta: bil-ħlewwa u bl-akkoljenza. Huwa qal li tkun xi ħaġa ferm sabiħa li aħna ngħixu wkoll it-tifsira sabiħa tal-isem ta’ pajjiżna, art li tilqgħak u art ħelwa.

Preżenti għal dan il-Pontifikal kien hemm l-għola awtoriatjiet tal-pajjiż fosthom il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech akkumpanjat mis-Sinjura AnneMarie Grech, kif ukoll deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra.

Kif inhi t-tradizzjoni, wara l-Quddiesa tal-Festa, il-mistednin distinti qattgħu ftit tal-ħin f’din il-lokalita fejn kellhom l-okkażjoni jiltaqgħu ma’ dawk kollha involuti fl-organizzazzjoni ta’ din il-festa ta’ San Publiju.

Aktar tard, sar il-marc tradizzjonali, bil-programm kompla filgħaxija, bil-purċissjoni mat-toroq tal-lokalita’, li ġew imżejna b’armar mill-isbaħ għal din l-okkażjoni.