Lokali

Il-UĦM tgħid li l-każ tal-karozzi tal-linja mhux wieħed iżolat

“Diversi persuni qalulna affarijiet simili li allega Cutajar fil-protest ġudizzjarju”

Aktar minn xahrejn ilu l-UĦM Voice of the Workers kienet ordnat lill-membri tagħha fi ħdan il-Malta Public Transport sabiex jirrifjutaw li jobdu ordnijiet biex jiċċertifikaw karozzi tal-linja bħala tajbin għat-triq…meta ma kienux.

Dan ikkonfermah mal-ġurnal Sunday Times of Malta l-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Josef Vella, hekk kif insista li fi Frar huma rċevew rapporti minn numru ta’ persuni, kollegi tas-supervisor li fetaħ il-protest ġudizzjarju fil-konfront tal-Malta Public Transport – fejn bħal ma’           qal Claudio Cutajar fil-Qorti, huma insistew dwar allegazzjonijiet simili …aktar minn xahrejn ilu.

Josef Vella spjega li l-union kienet appellat lill-kumpanija biex tiċċara l-affarijiet dwar is-sitwazzjoni; bil-Malta Public Transport tindika li kienet għaddejja investigazzjoni … madanakollu l-UĦM baqgħet ma rċeviet ebda risposta.

Din il-ġimgħa, Cutajar fetaħ protest ġudizzjarju fil-konfront tal-kumpanija li tħaddmu, fejn saħaq li rċieva theddid wara li rrifjuta milli jiċċertifika numru ta’ vetturi.

Il-Malta Public Transport qed tibqa’ tiċħad dawn l-allegazzjonijiet u saħqet li se tkun qed tiddefendi r-reputazzjoni tagħha anke b’azzjonijiet legali.

Intant, f’telefonata li saret waqt il-programm li mexxa s-Sibt filgħodu l-preżentatur Andrew Azzopardi, il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta Mark Mallia qal li ħamsa mill-11-il tal-linja li ġew imsemmija fil-Protest Ġudizzjarju li tressaq din il-ġimgħa kellhom biss “ċuċati żgħar”.

Mark Mallia kkonferma li saru spezzjonijiet minn Transport Malta fuq dawn il-karozzi tal-linja.

Madanakollu wieħed ma jistax ma jinnotax id-diskors kuntrastanti mhux biss tal-impjegati, iżda tal-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Josef Vella li qed jinsisti li rċieva numru ta’ rapporti minn numru mhux speċifikat ta’ ħaddiema…li lkoll għandhom il-verżjoni tagħhom taqbel.

Filwaqt li l-Malta Public Transport ikkonfermaw mat-Times li l-UĦM kienu ordnaw id-direttivi, kelliem għal kumpanija li tkellem ma’ dan il-ġurnal stqarr li Cutajar jinsab temporanjament sospiż fuq paga sħiħa.

Il-ħaddiem qed jallega fost oħrajn li karozza tal-linja minnhom kellha ż-żejt qed iqattar fuq il-brejkijiet…b’riskju li tkun ta’ periklu għax-xufier, il-passiġġieri u ċittadini oħrajn….karozza li qed jallega li ġie ordnat jagħti l-barka tiegħu biex tibqa’ tinstaq fit-toroq. Iżda l-Malta Public Transport qed tibqa’ tinsisti li dawn l-allegazzjonijiet huma foloz.

Il-Ministru responsabbli Chris Bonett, minn naħa tiegħu, farfar dan l-iskandlu billi bl-aktar mod ċar qal li ma jifhimx.

Fil-Protest Ġudizzjarju, ffirmat mill-Avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta, ġew preżentati ritratti bħala prova tal-ħsarat f’diversi vetturi.

Filwaqt li Josef Vella spjega li l-Union se tibqa’ spalla ma spalla mal-ħaddiema…. huwa stqarr li l-UĦM mistennija jkollha laqgħa mal-management tal-kumpanija. Huwa insista li l-kumpanija għandha tinforma lill-union dwar l-iżviluppi tal-investigazzjoni interna li kienu qalulhom li qed jagħmlu.