Illum għal ħabta tal-4pm ħin tal-Istati Uniti, se jkun qed jitlaqqa’ l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, wara ittra mibgħuta mill-missjoni permanenti ta’ Iżrael għan-Nazzjonijiet Uniti.
Dan ħabritu l-ambaxxatriċi għal Malta Vanessa Frazier fuq post fil-midja soċjali fejn spjegat li din il-laqgħa se tkun qed titratta s-sitwazzjoni delikata u allarmanti li feġġet fl-aħħar sigħat. Hekk kif l-Iran attakka lill-Iżrael b’aktar minn 300 drone u għexieren ta’ missili. Bil-maġġoranza tal-missili jiġu interċettati.
Malta qed tassumi l-Presidenza ta’ dan il-kunsill.
L-attakk bid-drones u l-missili mill-Iran qed jissejjaħ ‘Operation True Promise’, u esperti militari qed jgħidu li dan huwa “attakk bla preċedent”.
Intant, il-Prim Ministru Benjamin Netanyahu sejjaħ laqgħa urġenti tal-Kabinett tard ilbieraħ filgħaxija. Dan filwaqt li ajruplani militari tal-Istati Uniti u r-Renju Unit waqqgħu numru ta’ drones marbuta mal-Iran fuq iż-żona tal-fruntiera bejn l-Iraq u s-Sirja.
//= $special ?>