Internazzjonali

Ir-Russi tħeġġeġ lil Iżrael u l-Iran biex ‘jeżerċitaw il-kontroll’

Ir-Russja qed issejjaħ biex Iżrael, l-Iran u l-partijiet kollha involuti f’din il-kriżi jeżerċitaw il-kawtela – b’Moska tesprimi inkwiet dwar il-possibbiltà ta’ eskalazzjoni kbira fil-konflitt tal-Lvant Nofsani.

Il-Ministeru Russu għall-Affarijiet Barranin, fl-ewwel kummenti wara l-attakk tal-Iran fuq Iżrael, qal li r-Russja qed tittama li l-Istati fil-Lvant Nofsani jsolvu l-problemi eżistenti bil-mezzi politiċi u diplomatiċi.

Ir-Russja qalet li wissiet diversi drabi li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ma kellhiex il-kapaċità biex tirreaġġixxi ‘kif suppost’ għall-attakk ta’ dan ix-xahar fuq il-konsulat tal-Iran fis-Sirja….Attakk  li kien daqqa ta’ ħarta kbira għall-Gwardja Rivoluzzjonarja ta’ Tehran.

Intant, Moska għadha urtata wara li l-Istati Uniti, ir-Renju Unit u Franza opponew għall-abbozz ta’ stqarrija tar-Russja fin-NU li kellha tikkundanna l-attakk fuq il-kumpless tal-Ambaxxata Iranjana f’Damasku.

Iżrael baqa’ ma assumiex responsabbiltà għall-attakk fuq l-Ambaxxata – għalkemm l-indikazzjonijiet kollha huma li l-ajruplani tal-gwerra tiegħu laqtu eżattament il-miri speċifiċi matul il-jum partikulari.