Internazzjonali

Iżrael qed iħejji attakk ta’ tpattija fuq l-Iran

L-isparaturi fil-lejl tas-Sibt, tal-mijiet tad-drones u missili mill-Iran lejn Iżrael, eskalaw bil-kbir il-kriżi fil-Lvant Nofsani. Kriżi li ilha tiżdied mill-ewwel jiem tal-konflitt ta’ Gaza bejn l-Iżraeljani u l-grupp terroristiku Ħamas u li issa aktarx li assumiet dimensjoni ġdida u ferm aktar perikoluża.

Sadanittant, Iżrael indika biċ-ċar li qed iħejji ‘tweġiba’ għall-attakk tal-Iranjani wara li l-qawwiet ta’ difiża tiegħu u tal-Alleati interċettaw il-maġġoranza assoluta ta’ ‘l fuq minn 300 drone u missila li spikkaw waqt l-ewwel attakk dirett ta’ din ix-xorta min-naħa tal-Iranjani.

Kelliema għall-Gvern f’Tehran qalu li din l-azzjoni bla preċedent kienet ‘ritaljazzjoni’ għall-attakk tal-bidu tax-xahar mill-Iżraeljani fuq il-konsulat tal-Iran f’Damasku, fis-Sirja. Attakk li fih inqatlu numru ta’ kmandanti militari, fosthom il-Ġeneral Mohammad Reza Zahedi li kien jikkmanda lill-Qawwa ta’ Quds li hi fergħa tal-Gwardja Rivoluzzjonarja tar-reġim Iranjan.

L-Iran, issa, qal li l-attakk fuq Iżrael ‘laħaq it-tragwardi kollha tiegħu’ u li beħsiebu jeżerċita aktar qawwa militari f’każ ta’ xi reazzjoni minn Iżrael. Hu mifhum, intant, li d-drones kienu sparati mill-provinċja ta’ Khermanshah, lejn il-Grigal tal-Iran u xi 800 mil ‘il bogħod mill-artijiet Iżraeljani.

Dan ukoll meta wħud mill-uffiċjali Iranjani, wara, qalu li l-Iran kien qed jimmira għas-siti tal-Gvern u l-militar ta’ Iżrael u mhux lejn iċ-ċivili u s-siti frekwentati mid-devoti reliġjużi.

Madankollu, Iżrael jidher li mhux se jħalli lill-Iran jgħaddiha lixxa għall-ewwel attakk fl-istorja kontra tiegħu li seħħ mill-artijiet ikkontrollati mir-reġim tal-Ayatollah Ali Khamenei.

Fil-fatt, il-Ministru tad-Difiża Iżraeljan, Yoav Gallant, għamilha ċara li l-affarijiet ma waqfux hawn, bi kliemu jindika li dan jista’ jkun biss il-bidu ta’ konflitt fuq livell differenti u ferm aktar allarmanti għar-reġjun kollu tal-Lvant Nofsani. Is-sitwazzjoni, fil-fatt, hi ferm inkwetanti  peress li r-riperkussjonijiet għandhom iħallu l-konsegwenzi anki għall-bqija tad-dinja – inkluż minn aspett ekonomiku.

L-Iżraeljani qalu li d-drones u l-missili tal-Iranjani laqtu numru ta’ miri u li l-ħsarat ma kenux daqstant kbar. Hu minnu wkoll li fost il-miri milqutin hemm bażi tal-qawwiet għad-difiża lejn in-Nofsinar ta’ Iżrael. Dan wara li d-drones damu madwar tmien sigħat biex jaslu f’Iżrael wara li kienu sparati mill-Iran.