Internazzjonali

Iżrael u l-Istati Uniti kienu ilhom li ħejjew strateġija għal kontra l-aggressjoni tal-Iran

Iżrael, bl-għajnuna tal-Istati Uniti, kienet ippreparata sew biex tieħu l-miżuri kollha neċessarji ħalli tilqa’ għall-attakk tas-Sibt bil-lejl bid-drones u l-missili sparati mill-inħawi ta’ Khermanshah.

Fil-fatt, l-Iżraeljani kellhom diversi sigħat biex jieħdu azzjoni f’waqtha wara l-allert inizjali – u grazzi għall-fatt li huma u l-Istati Uniti kellhom diġà is-sistemi sofistikati għal difiża kontra l-attakki mill-ajru  jiffunzjonaw ‘bil-massimu tal-kapaċità tagħhom’.

L-Iżraeljani kellhom diġà l-esperjenza ta’ ħafna snin fejn jidħlu azzjonijiet ta’ difiża fil-konfront tal-missili sparati lejhom mill-Ħamas, f’Gaza, kif ukoll mill-milizji Xiti tal-Ħeżbollah fil-Libanu.

Fost is-sistemi sofistikati tal-Iżraeljani hemm waħda magħrufa bħala ‘Iron Dome’ u li hi ferm effettiva – l-istess bħas-sistemi ‘David Sling’ u ‘Arrow’ inkorporati f’network ta’ entitajiet ta’ difiża madwar Iżrael.

L-Istati Uniti wkoll għandha esperjenza kbira biex tikkonfronta t-theddid bil-missili – partikularment fir-reġjun tal-Baħar l-Aħmar, fejn, fl-aħħar ġimgħat, il-qawwiet tagħha waqqgħu diversi drones, flimkien mal-missili ballistiċi u l-missili ‘cruise’ sparati mill-milizji tal-Houthi (alleati kbar tal_Iran) fil-Jemen.

L-istrateġiji u tattiċi ta’ dawn iż-żewġ Alleati b’hekk provdew il-bażi għal difiża koordinata u soda  – bl-għajnuna tal-fighter-jets tal-RAF u l-qawwiet Franċiżi…Difiża li permezz tagħha, huma interċettaw ‘il fuq sew minn 90 fil-mija tal- mewġa tad-drones u missili indirizzati lejn Iżrael matul il-lejl tas-Sibt.