Internazzjonali

L-Iran: Jinsisti li laqat il-miri ‘li ried’ — minkejja r-rapporti kuntrarji tal-Iżraeljani

Mohammad Bagheri, il-kap tal-istaff tal-qawwiet tal-Iran, qal li il-missjoni – jew l-offensiva – fuq Iżrael irnexxiet minn kull aspett u li d-drones kienu diretti, primarjament, kontra ‘ċentru għas-servizzi sigrieti Iżraeljani’.

Hu kompla li mira prinċipali oħra kienet il-bażi tal-ajru ‘li l-Iżraeljani kienu użaw, fl-Ewwel ta’ April, biex jattakkaw il-konsulat Iranjan fis-Sirja’.

U filwaqt li Iżrael qed jgħid li l-attakk ma ħalliex xi ħsarat sinifikanti, l-Iran – permezz ta’ Bagheri – saħaq b’mod konvint li iż-żewġ siti tal-Iżraeljani ġarrbu l-impatt kbir u notevoli tal-azzjoni.

Il-Kap tal-Istaff Iranjan qal ukoll li l-azzjoni militari ta’ pajjiżu issa hi kompluta – u fost it-twissija obbligatorja biex ‘Iżrael iżomm lura minn xi azzjoni reċiproka’.

Sadanittant, ir-reġim Iżlamiku f’Tehran anki wissa lill-Istati Uniti li l-bażijiet tal-qawwiet tagħha fir-reġjun – fosthom il-bażijiet fl-Iraq u bnadi oħra —  ‘ma jistgħux ikunu ċerti mis-sigurtà’ f’każ li l-Amerikani jgħinu lill-Iżraeljani biex jattakkaw mill-ġdid lill-interessi tal-Iran.

Dan ukoll fost l-inkwiet li gwerra totali bejn Iżrael u l-Iran kapaċi tassumi anki dimensjoni ‘irrevokabbli’ fuq bażi ta’ nukleari, minbarra li anki twitti t-triq għal Tielet Gwerra Dinjija.