L-Istati Uniti, r-Renju Unit, Franza u l-Ġordan, huma l-pajjiżi li ntervjenew wara l-attakk li safa dan il-pajjiż mill-Iran matul dan il-lejl.
Matul il-lejl, l-Iran sparat aktar minn 300 drone u għexieren ta’ missili lejn l-Iżrael, bil-maġġoranza ta’ dawn il-missili jiġu interċettati u bl-unika mira li ntlaqtet tkun dik ta’ bażi militari fin-naħa ta’ isfel ta’ Iżrael.
L-Istati Uniti, li huma alleati magħrufa tal-Iżrael, ilhom il-ġranet iwissu kontra l-attakki mill-Iran – dan għaliex din is-sitwazzjoni hija waħda inkwetanti hekk kif teskala s-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani. Intant, il-President Amerikan Joe Biden aċċenna li l-Istati Uniti hija impenjata sabiex tiżgura s-sigurtà fl-Iżrael.
Madanakollu, aktar kmieni llum l-Iżrael spjegat illi Franza kienet ta’ għajnuna f’dan l-attakk bis-sorveljanza fuq l-airspace Iżraeljan permezz tat-teknoloġija avvanzata tad-difiża tagħha. Dan filwaqt li huwa magħruf li ajruplani militari tal-Istati Uniti u anke r-Renju Unit kienu dawk li waqqgħu numru ta’ drones tal-Iran.
Bl-Iran iwissi illi jekk l-Iżrael jirrispondi għal dan l-attakk – il-pajjiż Iranjan se jkun qed jirrispondi b’attakk akbar minn dak li kien ta’ dan il-lejl.
Fid-dawl ta’ dan l-attakk deskritt bħala wieħed bla preċedent, l-Italja, li bħalissa qed tokkuppa l-Presidenza tal-G7, sejjħet laqgħa urġenti sabiex jiġi kkordinat rispons diplomatiku għall-attakk mill-Iranjani. Dan filwaqt li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, li bħalissa qed jassumi l-presidenza tiegħu pajjiżna, se jkun qed jitlaqqa’ aktar tard illum sabiex tiġi diskussa s-sitwazzjoni allarmanti li żvolġiet matul il-lejl li għadda.
Issa, in-Nazzjonijiet Uniti qed twissi illi d-dinja ma tistax terġa’ tidħol fi gwerra oħra, bis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Antonio Guterres jistqarr illi kull parteċipant f’din il-gwerra għandu jżomm lura milli jieħu azzjonijiet li jistgħu jirreżultaw f’aktar konfronti militari.
Dan l-attakk jiġi wara li fl-ewwel ġurnata ta’ dan ix-xahar, l-Iżrael allegatament wettqet attakk fuq konsulat Iranjan f’Damasku fejn inqatlu numru ta’ persuni fosthom żewġ ġenerali militari.
//= $special ?>