Lokali

Mara suppost paralizzata bdiet tirċievi l-benefiċċji wara li daħlet timxi quddiem bord mediku

Tfaċċat fuq saqajha, meta suppost paralizzata.

Din hija l-istorja ta’ mara rreġistrata mal-Istat bħala waħda totalment ipparalizzata, u li għaldaqstant kienet qed tirċievi numru ta’ benefiċċji soċjali….li spiċċat daħlet miexja għall-intervista mal-bord mediku tal-Gvern.

Rapport fil-gazzetta Sunday Times of Malta spjega li sorsi qrib sew tal-investigazzjoni li għaddejja bħalissa indikawlhom li din il-mara, li b’mod mill-aktar frawdolenti qalet li ġisimha kien ipparalizzat għal kollox….. ingħatat il-barka biex tibda tirċievi l-benefiċċji tad-diżabiltà minn but il-familji Maltin u Għawdxin – minkejja li daħlet fuq saqajha t-tnejn b’mod normali quddiem il-bord.

Sorsi qrib it-Times saħqu li l-mara kienet ilha tirċievi dawn il-benefiċċji għal kważi ħames snin qabel ma’ l-Pulizija avviċinawha x-xahar li għadda.

Din hija l-aħħar rivelazzjoni minn fost mijiet ta’ persuni li allegatament – bil-barka tal-Gvern tal-Labour u jew persuni qrib tiegħu – rċevew eluf ta’ ewro f’benefiċċji soċjali li ma kienux intitolati għalihom.

Bħal diversi oħrajn, l-applikazzjoni tal-mara paralizzata li surrealment setgħet timxi….kienet iffirmata mill-eks Deputat Parlamentari tal-Labour Silvio Grixti…lura fl-2019. Fl-applikazzjoni kien indikat li l-mara kienet qed issofri minn paraliżi totali u permanenti; jew minħabba amputazzjoni jew xi ħaġa simili… ta’ dirgħajha jew ta’ riġlejha t-tnejn.

Iżda surrealment il-mara li ma kienet issofri minn l-ebda paraliżi daħlet b’mod normalissimu quddiem il-bord mediku – li aċċettalha l-applikazzjoni.

Sorsi stqarrew mat-Times li mal-pulizija l-mara saħqet li kienet sofriet xi ġrieħi f’darha sena qabel l-applikazzjoni; madanakollu qatt ma kienet paralizzata. U insistiet li ma kinitx taf li l-applikazzjoni u ċ-ċertifikati falsifikati minn Grixti kienu qed jindikaw dan.

Intant – il-Ministru responsabbli mis-Sigurtà Soċjal….Michael Falzon fl-aħħar ġimgħat insista li hu ma jemminx li kien hemm xi skop ta’ voti wara dan l-iskandlu ta’ frodi ta’ mijiet ta’ eluf ta’ ewro minn but il-poplu. Agħar minn hekk, stqarr illi huwa diżonest min jgħid li dan kien serq.