Lokali

Minkejja l-iskandli kollha Abela jgħid li l-Gvern umli

Isteriżmu u attakk partiġjan wieħed wara l-ieħor fil-konfront tal-Partit Nazzjonalista b’narrattiva ta’ biża’.

Robert Abela, tul id-diskors tiegħu tal-Ħadd filgħodu waqt attività Laburista fir-Rabat, saħaq li l-Labour fil-Gvern ta dinjità lill-familji Maltin u Għawdxin partikolarment lill-anzjani. Dan, minkejja li l-Gvern mhux jiggarantixxi l-pensjonijiet għall-20/30 sena li ġejja.

F’attakk partiġjan wieħed wara l-ieħor, Robert Abela spiċċa ħadha anke kontra Lawrence Gonzi, ironikament l-unika Prim Ministru s’issa li għażel President mill-kamp oppost; lil George Abela – eżempju ċar ta’ politika serja u mhux partiġjana.

Fir-Rabat, Robert Abela insista wkoll li huwa sodisfat bir-rata li biha l-Labour qed iwettaq il-Manifest Elettorali – dan minkejja li f’diversi drabi qed imur kontra dak li wiegħed hu stess – fost oħrajn il-bini ta’ sptar ġdid għall-kura mentali akuta, u l-investment fis-saħħa li qatt ma seħħ.

Fil-messaġġ tiegħu, Abela injora għalkollox il-kriżi tal-għoli tal-ħajja u l-iskandlu tal-benefiċċji soċjali fejn esponenti tal-Gvern taw sehem f’wieħed mill-akbar skandli ta’ frodi mit-taxxi tal-poplu. Apparti minn hekk, injora għalkollox is-sitwazzjoni fit-Trasport Pubbliku, u l-kriżi tat-traffiku frott id-densità fil-popolazzjoni. Injora anke l-appelli ta’ poplu li stħarriġ wara l-ieħor qed juru li l-istandard of living tagħhom qiegħed jonqos.

Iżda skont il-Prim Ministru, dan kollu xejn mhuwa tort tiegħu …u bħal dejjem ifarfarha fuq ċirkostanzi lil hinn minnu.

Abela spiċċa jfaħħar lis-Sindku attwali tar-Rabat u li se jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni tal-Kunsilli, Sandro Craus. Dan minkejja li l-istess Craus qed iħabbat wiċċu ma’ akkużi kriminali b’rabta mal-impjieg fantażma li ngħata Melvin Theuma …il-middle man fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Minkejja t-tħanżir li kienet semmiet l-Eks Deputat Laburista Rosianne Cutajar, minkejja skandlu wieħed wara l-ieħor …u l-mijiet ta’ eluf ta’ ewro f’pagi lil dawk qrib sew tat-tmexxija Laburista …skont Abela huma dejjem kienu umli.