Internazzjonali

Wara l-attakki tal-Iran: Biden ifaħħar il-kapaċitajiet tad-difiża tal-Iżraeljani

Il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, ikkuntattja lill-Prim Ministru Iżraeljjan Benjamin Netanyahu fejn tkellmu fit-tul dwar l-aħħar żviluppi wara l-attakki tal-Iran fuq Iżrael.

Biden mill-ġdid tenna li l-Istati Uniti u l-Alleati tagħha huma lesti biex jappoġġjaw bis-sħiħ lill-Iżraeljani fil-konfront ta’ aggressjoni hekk kbira — waqt li rrimarka li Iżrael wera kapaċità kbira fil-mod kif iddefenda ruħu fiċ-ċirkustanzi. Netanyahu, imbagħad, wieġeb li pajjiżu hu lest għal kwalunkwe xenarju anki waqt li qed ikompli bil-gwerra ta’ Gaza.

Madankollu, Biden għamilha ċara wkoll li l-Istati Uniti mgħandhiex tipparteċipa fi kwalunkwe azzjoni offensiva ( minn aspett militari) kontra l-Iran.

Dan wara li l-qawwiet tal-Istati Uniti, flimkien mal-qawwiet tal-ajru Britanniċi tal-RAF u l-qawwiet Franċiżi fir-reġjun ilkoll taw sehem fl-impenji biex jitwaqqgħu il-parti kbira nett tad-drones u l-missili tal-Iranjani.

Il-qawwiet tal-baħar tal-Amerikani wkoll kienu strumentali fid-difiża ta’ Iżrael waqt li l-ajruplani tal-RAF irnexxielhom jeliminaw numru kbir ta’ drones waqt li kienu fuq il-fruntiera tal-Iraq mas-Sirja…Azzjoni ta’ difiża li kienet ikkonfermata sigħat ilu mill-Prim Ministru Britanniku Rishi Sunak.