Futbol Sport

Żelqiet għal Liverpool u Arsenal jagħtu vantaġġ lil Manchester City fit-taqtiegħa għar-rebħ tal-kampjonat

Ritratt: EPA

Żelqiet għal Liverpool u Arsenal rispettivament taw vantaġġ ta’ żewġ punti f’ras il-klassifika lil Manchester City. Fl-ewwel partita tal-Ħadd Liverpool, sorprendentament kienu megħluba 1-0 f’darhom minn Crystal Palace. Il-gowl uniku tal-partita wasal minn Eberiche Eze fl-14-il minuta bi Crystal Palace jiddefendu tajjeb l-assedju ta’ Liverpool. Din kienet it-tieni telfa konsekuttiva għal Liverpool f’darhom wara t-telfa fost il-ġimgħa fl-Ewropa kontra Atalanta.

Intant fl-Emirates Stadium xokk ieħor hekk kif Arsenal kienu megħluba minn Aston Villa bl-iskor ta’ 2-0. B’diversi opportunitajiet ta’ skor għaż-żewġ naħat Aston Villa marru fil-vantaġġ fl-84 minuta meta l-cross ta’ Lucas Digne sab lis-sostitut Leon Bailey li xeħet ġewwa mill-viċin. Tliet minuti wara Aston Villa għamluhom tnejn meta minn kontrattakk kien Ollie Watkins li qabbeż minn fuq David Raya u tefa’ l-partitarji ta’ Aston Villa f’dillirju ta’ ferħ. Din kienet l-ewwel telfa għal Arsenal fl-2024 wara serje ta’ riżultati pożżitivi għal Gunners.

PREMIER LEAGUE

Illum: Liverpool v C’Palace 0-1, West Ham v Fulham 0-1, Arsenal v Aston Villa 0-2
Għada: Chelsea v Everton 9.00pm