Lokali

fabricATE : Esebizzjoni ta’ arti fi Spazju Kreattiv

L-artist, Gabriel Buttigieg qed jiddebutta bl-ewwel esebizzjoni solo tiegħu fi Spazju Kreattiv (SK), bit-titlu: fabricATE.

Buttigieg kien mistieden mid-direttur artistiku Daniel Azzopardi biex ikun parti mill-kalendarju kulturali u l-programm artistiku tal-2024 ta’ Spazju Kreattiv. Għal din l-esebizzjoni, Buttigieg ħadem fuq xogħolijiet kompletament ġodda, bl-użu ta’ media differenti. Permezz ta’ fabricATE, l-iskop tal-artist żagħżugħ hu li jħalli lil kull min iżur din l-esebizzjoni jiġi sedott permezz tas-sensi, u għaldaqstant jagħti lill-udjenza tiegħu esperjenza immersiva, mhux biss b’mod viżwali imma wkoll permezz tas-smigħ, il-kuluri u t-tessut kif ukoll bix-xogħlijiet tri-dimensjonali tiegħu.

fabricATE tara t-tluq tagħha mill-esebizzjoni preċedenti ta’ Buttigieg li ttellgħet f’The Splendid, bit-titlu Narratives for Postmodern Love. Din iċċelebrat il-ġmiel tal-imħabba fl-istat l-aktar primordjali kif ukoll il-brutalità tax-xewqat l-aktar intimi. Buttigieg qiegħed mill-ġdid jikkollabora mal-kuratriċi indipendenti Lisa Gwen biex seta’ jitwettaq dan il-proġett ambizzjuż.

F’din l-esebizzjoni, Buttigieg “jiffabbrika” l-interpretazzjonijiet personali tiegħu tal-miti Greko-Rumani, li juża bħala metafori għall-mistoqsijiet erotiċi u spritwali li ilhom iħassbu lill-umanità sa mill-bidu taż-żmien; fosthom it-taboo u t-trasgressjoni, il-krudeltà u l-kappriċċożità tal-allat, l-imħabba, il-poter u l-qirda. Dawn in-narrattivi ffabbrikati qed jieħdu l-ħajja fuq tessuti skwiżiti pprovduti minn camilleriparismode li huma sħab f’dan il-proġett. Id-drappijiet spiss kumplessi jservu bħala qafas kif ukoll
bħala ispirazzjoini għall-kreazzjonijiet kumplessi tal-artist.

Magħruf għall-esperimentar tiegħu, u għall-idjoma estetika espressiva li dejjem qed tevolvi, permezz ta’ fabricATE, Buttigieg utilizza varjetà ta’ media, li mbuttawh lil hinn minn dak li ssoltu komdu juża; huwa fil-fatt, qed jiddebutta b’żewġ xogħlijiet skulturali kbar li nħadmu fil-Funderija Artistika Chetcuti, li hija wkoll sħab f’dan il-proġett.

fabricATE tiftaħ fis-26 t’April u tibqa’ miftuħa sat-23 ta’ Ġunju. Din l-esebizzjoni taqa’ fl-istaġun tal-Malta Biennale, li tiegħu Spazju Kreattiv huwa wkoll sieħeb u kollaboratur. L-esebizzjoni tkun miftuħa mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn id-9am u d-9pm; is-Sibt u l-Ħadd bejn l-10am u d-9pm.