Internazzjonali

“Ibni kien marid” – missier Joel Cauchi

Il-ġenituri ta’ Joel Cauchi, ir-raġel ta’ 40 sena li qatel sitt persuni b’daqqiet ta’ sikkina f’ċentru kummerċjali f’Sydney il-ġimgħa li għaddiet, esprimew dieqa kbira għall-azzjonijiet vjolenti ta’ binhom, li nqatel minn uffiċjal tal-Pulizija waqt l-istess attakk.  

Huma żvelaw li binhom kien isofri minn skiżofrenija li ġiet aggravata minn frustrazzjoni għall-inabbiltà tiegħu li jkollu relazzjoni romantika. B’konsegwenza, żviluppa rabja lejn in-nisa.

Din aktarx hija r-raġuni għaliex ħamsa mis-sitt vittmi tiegħu kienu nisa.  

Għaldaqstant, il-ġenituri ta’ Cauchi enfasizzaw li binhom tilef is-sens ta’ realtà tiegħu minħabba l-mard mentali li kien isofri minnu, u li kieku kien f’sikktu, kien iħoss rimors għal dak li għamel. Madankollu, huma wrew l-appoġġ tagħhom lejn il-Pulizija li sparat lil binhom, u sostnew li hi kienet biss qed tagħmel xogħolha kif xieraq.

Cauchi qatel sitt persuni, u darab bosta oħra, fosthom tarbija ta’ disa’ xhur li bħalissa tinsab l-isptar u qiegħda f’kundizzjoni kritika.