Internazzjonali

Il-Gvern Taljan irid li r-Rai jsir il-“megaphone” tiegħu

Il-Gvern Taljan ordna li r-RAI jagħti lill-Ministri ħin ta’ xandir bla limitu fuq il-programmi tiegħu – azzjoni li ġabet magħha rabja enormi mill-ġurnalisti stess tal-istazzjon Nazzjonali.

Regola oħra li daħlet fis-seħħ, ser tippermetti lil Rai News ixandar manifestazzjonijiet politiċi fi kwalunkwe ħin, u b’mod sħiħ – imħabbra biss b’introduzzjoni qasira u mingħajr kummenti mill-ġurnalisti fil-panel 

Id-deċiżjoni tar-RAI turi għal darb’oħra t-tentattivi tal-Gvern Taljan li jagħmel użu mis-servizz pubbliku għal skopijiet personali u ta' propaganda – fotokopja ta' dak li qed jagħmel Robert Abela f'pajjiżna bil-kontroll tal-PBS.

Fil-11 ta’ April, ġurnalisti fuq l-istazzjonijiet ewlenin tar-RAI interrompew programmi tal-aħbarijiet biex jaqraw stqarrija tal-Union tal-Ġurnalisti tar-Rai li spjegat il-politika l-ġdida tar-RAI – li issa sar il-“megaphone” tal-Gvern. 

Il-Federazzjonijiet Internazzjonali u Ewropej tal-Ġurnalisti  kkundannaw din il-mossa tal-Gvern Taljan li jrid  jippolitiċizza s-servizz pubbliku għal skopijiet ta’ propaganda. Huma qegħdin jitolbu li r-RAI jirrispetta l-prinċipji fundamentali tal-ġurnaliżmu.

L-istqarrija tal-ġurnalisti Taljani spjegat li din il-mossa mhix l-idea tagħhom. Ix-xogħol tal-ġurnalisti għandu jkun ċentrali, billi jkompli jistaqsu mistoqsijiet, anke dawk skomdi. Dan apparti li jivverifikaw dak li jintqal, u jindikaw fejn ikun hemm ċerta inkonsistenzi. Il-ġurnalisti tar-RAI insistew li jiggarantixxu informazzjoni indipendenti u bilanċjata.