Lokali

IL-LIĠI MALTIJA: Jekk m’għandekx liċenzja Ewropea ma tistax issuq cab… imma tista’ ssuq tal-linja

Persuna li mhix ċittadina Maltija u lanqas Ewropea, skont il-liġi Maltija, jekk m’għandekx liċenzja Ewropea ma tistax issuq cab – iżda tista’ ssuq tal-linja jew coach.

F’kelma oħra, fil-liġi Maltija hemm anomalija hekk kif il-liċenzji barra l-Unjoni Ewropea jgħoddu biex wieħed isuq uħud mill-vetturi fit-toroq Maltin iżda mhux oħrajn.

Fil-fatt, persuni li ġejjin minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea kellhom jieqfu jaħdmu bħala xufiera ta’ karozzi bil-Y-plates minħabba liġijiet stretti, iżda minflok marru jsuqu tal-linja jew coaches – għaliex dawn l-istess liġijiet ma japplikawx għalihom.

Meta mistoqsi mit-Times of Malta dwar din is-sitwazzjoni, il-Ministru Chris Bonett għaraf li hemm anomalija tant li qal li “l-ebda liġi mhi perfetta”. Filwaqt li ma qalx kif se jkun qed jindirizzaha; għalkemm għaddejjin diskussjonijiet.

Sorsi qed jgħidu li l-liġi ġiet applikata għall-vetturi tal-Y-plates iżda mhux għall-vetturi tat-trasport pubbliku għaliex hemm biża’ li din taffettwa negattivament is-sistema tat-trasport pubbliku f’pajjiżna.

Qabel, ix-xufiera setgħu jikkwalifikaw għal Y-plate tag minnufih basta jġibu liċenzja Ewropea fi żmien sena. Issa, wieħed ma jistax ikollu din it-tag sakemm ma jkollux prova ta’ liċenzja Ewropea valida.

Il-proċess l-antik tax-xufiera tal-Y-plate għadu jgħodd għal dawk li jsuqu tal-linja jew coach. Dan filwaqt li Malta Public Transport tobbliga lill-applikanti li għandhom mill-inqas tliet snin ta’ esperjenza fis-sewqan ta’ tal-linja jew vetturi oħra kbar li jridu jgħaddu minn kors teoretiku ta’ kompetenza; li f’kelma oħra jfisser li l-kors ma jirrekjedix eżaminazzjoni ta’ sewqan fit-toroq Maltin.

Dawn l-istess xufiera li jaħdmu mal-Malta Public Transport jibbenefikaw minn paga ta’ bejn it-€22,000 u s-€27,000 kull sena, li teskludi s-sigħat ta’ overtime.