Lokali

“Il-poplu Malti u Għawdxi qed jgħix ħolma kerha”

L-appelli sabiex il-Gvern minnufih ibiddel il-mudell tat-tmexxija tiegħu qed ikomplu jiżdiedu hekk kif dan qed iħalli effett negattivi fuq il-familji Maltin u Għawdxin.

L-editorjal fil-ħarġa tal-Ħadd tat-Times, ġibed l-attenzjoni fuq il-fatt illi minkejja l-ftaħir ta’ tkabbir ekonomiku, il-poplu xorta waħda jinsab inkwetat għaliex ma jafx kif se jasal sal-aħħar tax-xahar. Huwa propju hawnhekk fejn jistaqsi min verament qed igawdi minn dan is-suppost “tkabbir ekonomiku”.

Apparti minn hekk, il-Gvern mhux jaħdem biex jassigura li n-nies ma jgħixux imdawrin bit-tniġġiż fl-arja u bl-istorbju, u jkollhom spazji miftuħa u ħadra.

Studju wara l-ieħor qed juri kemm il-Maltin u l-Għawdxin jinsabu mdejqin bil-kundizzjonijiet li jinsabu fihom, fosthom it-traffiku f’kull ħin tal-ġurnata li qed jikkawża dewmien kbir; il-popolazzjoni esseġerata; u l-għoli tal-ħajja li aktar ma jmur aktar qed tkun ta’ piż enormi fuq il-familji u l-anzjani.

L-editorjal iddiskriva dan kollu bħal ħolma kerha li ma trid tispiċċa qatt, u li iktar ma jgħaddi żmien iktar qed inħossuna li ma nistgħux noħorġu mill-effetti tagħha.

It-Times tfakkar ukoll kif in-nies ma jridux aktar tattiċi ekonomiċi bħalma qiegħed jippreżenta l-Gvern ta’ Robert Abela. Dan hekk kif il-mudell ekonomiku preżenti wassal biss biex rajna s-saħħa pubblika, l-edukazzjoni u l-ambjent jikkrollaw quddiem it-tkabbir fil-popolazzjoni.

It-Times ittemm l-editorjal b’appell lill-Gvern biex minnufih ibiddel it-triq li qabad qabel ikompli jirriskja l-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.