“Malta l-affarijiet jiswew id-doppju mill-prezzijiet fl-Italja.” Hekk iddikjarat tfajla minn Sqallija li bħalissa qed tgħix u taħdem f’pajjiżna; persuna li tagħmel ix-xirja b’mod regolari u li mill-prezzijiet indunat kemm f’Malta l-affarijiet huma ferm ogħla.
L-isplużjoni fil-prezzijiet qed iħossha kulħadd – u din is-sitwazzjoni qed taffetwa mhux biss prodotti tal-ikel imma anke oġġetti oħra bażiċi, bħall-prodotti għall-kura personali, prodotti għall-kura tat-tfal, ikel tal-annimali domestiċi u aktar. Dan, apparti l-prezzijiet ta’ mediċini li l-aktar huma bżonjużi.
Skont l-aħħar statistika, l-akbar impatt fuq l-inflazzjoni annwali ġie mill-Indiċi tal-Ikel u x-xorb mhux alkoħoliku, l-aktar minħabba prezzijiet ogħla tal-ħalib. Imbagħad, hemm il-prezzijiet ogħla fis-servizzi tar-restoranti u anke fil-kirjiet.
Il-piż tal-għoli tal-ħajja kienet tema ewlenija li ġie indirizzat minn Bernard Grech fid-diskors tiegħu tal-Ħadd, fejn il-Kap tal-PN insista li jeħtieġ tnaqqis fit-taxxi b’mod immedjat u inċentivi għal min iħaddem. Fil-fatt, il-PN ilu issa aktar minn sentejn jinsisti li ż-żieda għall-għoli tal-ħajja ma tiġix intaxxata, u li jingħataw għajnuniet lill-importaturi sabiex il-piż tal-prezzijiet ma jiġix rifless fuq il-prezzijiet li jħallas il-konsumatur.
//= $special ?>