Lokali Qorti

Il-Qorti tiċħad kawża għad-danni kontra l-Eks Ministru Chris Cardona

Il-Qorti tal-Maġistrati ċaħdet kawża għad-danni li tressqet kontra l-Eks Ministru Chris Cardona mill-werrieta tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, fuq ordnijiet ta’ sekwestru li kien ippreżenta kontriha bħala tpattija għall-istorja tagħha “burthelgate”.

Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo ċaħdet il-każ f’deċiżjoni li ngħatat it-Tnejn. Permezz tal-kawża, li kienet ġiet ippreżentata f’Diċembru 2018, l-armel ta’ Caruana Galizia Peter Caruana Galizia u wliedha, Matthew, Andrew u Paul, kienu talbu għad-danni mingħand Cardona, wara li dan irtira l-kawżi ta’ libell tiegħu u l-ordnijiet ta’ sekwestru relatati mingħajr ma ppreżentaw ebda prova biex isostni t-talba tiegħu ta’ libell.

Dan, qalu l-familja Caruana Galizia, indika li l-każijiet kienu ġew ippreżentati “b’mod malizzjuż, frivoli u vessatorji.” Gerada u Cardona kienu ħarrku lill-ġurnalista maqtula għal libell u kisbu ordnijiet ta’ sekwestru li jammontaw għal €46,500 b’kollox, li effettivament kienu mblukkaw il-kontijiet bankarji ta’ Caruana Galizia.

Il-werrieta ta’ Caruana Galizia sostnew li l-irtirar tal-kawżi kien tentattiv biex jindifnu diversi data dwar il-ġeolokazzjoni tal-mowbajl, li kienet turi fejn kienu l-irġiel waqt li kienu fil-Ġermanja. Wara li l-kawża ta’ libell ta’ Cardona kontra Daphne Caruana Galizia kienet imneħħija mill-Qorti, kawża ta’ libell identika kienet imressqa minn Joe Gerada, l-assistent li kien akkumpanja lil Cardona fil-vjaġġ tiegħu lejn il-Ġermanja.

Din kienet ukoll irtirata u magħha, l-opportunità li tivverifika l-kawża ta’ Caruana Galizia. allegazzjoni li l-ministru u l-assistent tiegħu kienu żaru burdell Ġermaniż waqt li kienu barra minn Malta fuq xogħol uffiċjali.

Cardona kien xehed, u qal lill-Qorti li l-każ ta’ libell kien ġie kkanċellat fil-31 ta’ Mejju 2018 fuq talba ta’ Peter Caruana Galizia, wara li Cardona naqas milli jidher għas-seduta tal-Qorti. Huwa kien qal lill-Qorti li dak iż-żmien, kien diġà rtira s-sekwestri għax ħass li ma kinux aktar meħtieġa, peress li Caruana Galizia kienet inqatlet ftit ġimgħat qabel.

Ħarsa lejn il-każ

Fis-7 ta’ Frar 2017, Chris Cardona, dak iż-żmien Ministru għall-Ekonomija u l-assistent tiegħu, illum wieħed mill-avukati tiegħu – Joe Gerada, kien ippreżenta erba’ kawżi ta’ libell separati, flimkien ma’ rikorsi fil-qorti għal żewġ ordnijiet ta’ sekwestru kull wieħed kontra Daphne Caruana Galizia.

Kull sekwestru talab lill-Qorti biex tiffriża ammont ekwivalenti għad-danni massimi li setgħu jingħataw f’kawża ta’ libell dak iż-żmien, ftit inqas minn €12,000 kull wieħed. Il-mandati ta’ prekawzjoni, li sa dak iż-żmien qatt ma kienu ntużaw ma’ kawżi ta’ libell, kienu jorbtu lill-banek Maltin kollha biex jiffriżaw dawk l-ammonti f’kull kontijiet li l-ġurnalista kienet topera magħhom.

L-ordnijiet tas’ sekwestru ordnaw ukoll lil Transport Malta, biex tipprevjeniha milli tbigħ xi vettura li setgħet kellha. Daphne Caruana Galizia kienet ressqet rikors fejn talbet li l-mandati jiġu revokati iżda l-Qorti kienet ċaħdet din it-talba.

Fl-1 ta’ Marzu, 2017, l-HSBC iddepożita €43,000 fil-qorti kif kien marbut li jagħmel bil-liġi. Ġimgħa wara, sabiex tkopri l-kumplament, il-ġurnalista stess kienet iddepożitat €3,500 oħra fil-Qorti, li ġab it-total għal €46,500, biżżejjed biex il-mandati jiġu revokati.

Xahrejn wara, Cardona u Gerada qablu li jiffirmaw kontro-mandati fid-dawl tal-fatt li s-somma li kienu qed jitolbu kienet iddepożitata fil-Qorti. Il-mandati mbagħad ġew revokati, u ħallew l-€46,587.48 maqbuda taħt is-sekwestri, marbuta fil-qorti sakemm il-kawżi ta’ libell ġew konklużi, jew Cardona u Gerada taw il-kunsens tagħhom għall-irtirar tagħhom.