Lokali Qorti

Il-vittma ma jridx jixhed kontra ‘ħu l-mara’ li allegatament tah 13-il daqqa ta’ sikkina

Joseph Seychell li allegatament qala’ 13-il daqqa ta’ sikkina mingħand Robert Frendo, ma jixtiqx jixhed kontrih fil-kumpilazzjoni tal-provi li qed jinstemgħu quddiem il-Maġistrat Mars-Anne Farrugia. Issa l-Qorti se tiddeċiedi fis-seduta li jmiss, jekk Seychell għandux jixhed jew le kontra l-akkużat.

Seychell qal li Frendo kien adottat minn omm il-mara tiegħu u dejjem kien meqjus bħala membru tal-familja anke jekk mhux bioloġikament membru tal-familja. “Ma rridx narah imur il-ħabs, ilu adottat minn omm il-mara minn mindu għamel il-preċett, u li ilu jgħix miegħi u mal-mara kważi tul iż-żwieġ kollu, jiġifieri mal-41 sena.

Kien hemm battibek legali bejn id-difiża u l-prosekuzzjoni dwar jekk għandux dritt li jixhed jew le. Il-prosekuzzjoni qalet li l-liġi tispeċifika li xhieda għandhom dritt li ma jagħtux id-depożizzjoni tagħhom meta jkunu miżżewġin jew koabbitanti. Qalet li f’dan il-każ, l-akkużat u Seychell ma jiġux minn xulxin bid-demm u għalhekk ma jistax ma jixhidx.

Minn naħa l-oħra, id-difiża ma qablitx u qalet li d-definizzjoni ta’ koabbitanti hija waħda wiesgħa fil-liġi u għalhekk għandu jaħfirlu u ma jixhidx kontrih. Seychell qal fuq il-pedana, li ma jridx jara lir-raġel t’oħtu jmur il-ħabs għax huwa qaddis meta ma jixrobx, il-problema hi biss meta jkun xurban. Kien l-Avukat Franco Debono, li qed jidher għall-allegat vittma, li ġibed l-attenzjoni tal-Qorti li l-klijent tiegħu ried li jaħfer lill-akkużat.

Fl-ewwel seduta li kienet saret f’Marzu li għadda, il-Qorti kienet iddikjarat li jeżistu biżżejjed provi biex Frendo jitqiegħed taħt att ta’ akkuża. L-anzjan ta’ 63 sena miż-Żejtun, baqa’ miżmum taħt arrest wara li kien mixli li pprova joqtol lir-‘raġel t’oħtu’ ta’ 69 sena fid-dar fejn jgħixu f’Raħal Ġdid. L-inċident allegatament kien seħħ nhar fil-21 ta’ Frar li għadda, fi Triq il-Lampuka, Raħal Ġdid, għall-ħabta tal-12.15pm.

Fl-argument bejn iż-żewġ anzjani ntużat sikkina, bl-anzjan ta’ 69 sena jittieħed l-Isptar Mater Dei fejn instab li weġġa’ gravi, waqt li l-akkużat Robert Frendo kien ittieħed f’ċentru tas-saħħa fejn instab li weġġa’ ħafif. Frendo qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.

Il-każ ikompli fid-29 ta’ April li ġej fil-10.45am. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa’ mill-Ispetturi  Kurt Farrugia u Keith Rizzo flimkien mal-Avukati Ramon Bonett Sladden u Nathaniel Falzon mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Għall-akkużat qed jidher l-Avukat Mark Mifsud Cutajar waqt li l-vittma għandu bħala parte civile lill-Avukati Franco Debono u  Marion Camilleri.