Sport

Ir-raba’ u l-aħħar ġurnata tat-28 edizzjoni tat-Tour Internazzjonali ta’ Malta

Simone Cerio jirbaħ l-edizzjoni u Etienne Bonello u Jessica Pratt jirbħu l-kategoriji l-oħra

Simone Cerio ta’ ASD Team Simo Bike, rebaħ din it-28 Edizzjoni tat-Tour ta’ Malta minkejja li fl-aħħar tiġrija tal-lum spiċċa fit-tielet post. B’hekk huwa kklassifika fl-ewwel post b’ħin ta’ 5 sigħat, 5 minuti u 54 sekonda. Bernard Galea ta’ The Cyclist/Agones (5:06:10) u Heorhii Antonenko mill-Ukranja ta’ OBOR-BIKE AID Cycling Team, spiċċaw fit-tieni u t-tielet post tal-klassifika finali (5:06:22).

L-aħħar tappa li saret kienet tiġrija fuq iċ-ċirkwit ta’ 3.2km fit-Triq Għajn Qasab, fir-rotta tar-Ramla l-Ħamra fin-Nadur, l-Elite għamlu 12-il dawriet, filwaqt li n-Nisa u l-Masters għamlu sitt dawriet.

Il-kategorija tal-Elite reġgħet intrebħet minn Żvizzeru ieħor, Morgan Guerin ta’ OBOR-BIKE AID Cycling Team, li ddomina it-tiġrija fejn spiċċa rebbieħ f’ħin ta’ 1:19.00, vantaġġ ta’ 18-il sekonda fuq Bernard Galea ta’ The Cyclist/Agones, filwaqt li Simone Cerio ta’ ASD Team Simo Bike, spiċċa t-tielet bl-istess ħin ta’ 1:20:42.    

Il-kategorija tan-Nisa ntrebħet mill-Maltija/Awstraljana Jessica Pratt tat-Team Greens, b’ħin totali ta’ 4:19:43, segwita minn Mathilde Pauls ta’ FTP RACING (UK) (4:23:09) u Marie Claire Aquilina tat-Team Greens (4:32:06).

Jessica Pratt għamlet poker, erba’ rebħiet fit-tapep kollha fejn iddominat anke fin-Nadur meta spiċċat rebbieħa f’ħin ta’ 54:29. Warajha spiċċaw rispettivament Mathilde Pauls (57:27), u Marie Claire Aquilina (58:29).

Fil-kategorija tal-Masters, ħareġ rebbieħ Etienne Bonello tat-Team Greens, b’ħin totali ta’ 4:00:33. Tliet sekondi biss warajh spiċċa sieħbu tat-Team Greens Joaquin Rojas (4:00:36), u t-tielet spiċċa David Michinson ta’ Cinnamon Cafe Saddle Drunk Race Team (4:01:05).

L-aħħar tappa ntrebħet fi sprint finali minn David Michinson ta’ Cinnamon Cafe Saddle Drunk Race Team (51:57). Etienne Bonello tat-Team Greens, spiċċa t-tieni bl-istess ħin ta’ 51:57; u Joaquin Rojas ukoll tat-Team Greens, spiċċa t-tielet żewġ sekondi warajhom.

Bħala l-ewwel Malti Overall, fil-Kategorija Elite spiċċa l-ewwel Bernard Galea (The Cyclist/Agones), Malti li jgħix l-Ingilterra b’ħin totali ta’ 5:06:10. Jacob Schembri ta’ Mosta CC, ikklassifika t-tieni (5:15:47), u John Camilleri ta’ B’kara St Joseph it-tielet (5:16:00).

Fil-Kategorija tan-Nisa bħala Overall Lokali spiċċaw rispettivament tliet ciklisti tat-Team Greens, Jessica Pratt b’ħin totali ta’ 4:19:43. Marie Claire Aquilina (4:32:06), u Diane Muscat (4:39:53). Fil-Kategorija tal-Masters, bħala l-ewwel Malti Overall spiċċa Etienne Bonello tat-Team Greens (4:00:33), sieħbu Antoine Sultana t-tieni (4:01:39), u Mark Zammit ta’ Mosta CC (4:05:38).

Fi tmiem dan l-aħħar tappa saru diversi premjazzjonijiet minn Kevin Azzopardi, Segretarju tal-Kumitat Olimpiku Malti; u  mill-uffiċjali għolja tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu, John Zammit, Joe Bajada u Daniel Borg Olivier, President, Segretarju Ġenerali u Teżorier rispettivament. Il-Merit Award tat-Tour ingħatat lil Charles Camenzuli, filwaqt li l-Cliff Micallef Merit Award ngħata lil Mario Bonnici bħala apprezzament għas-sapport ġurnalistiku tagħhom matul is-snin lil dan it-Tour Internazzjonali ta’ Malta taċ-Ċikliżmu.

Dan it-Tour sar taħt l-awspiċji tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu, bis-sapport ta’ SportMalta u l-Kumitat Olimpiku Malti.

Il-Kumitat Organizzattiv tat-Tour jixtieq jesprimi radd il-ħajr lil SportMalta, Kumitat Olimpiku Malti, Transport Malta, Kunsilli Lokali rispettivi tan-Naxxar, Ħaż-Żebbuġ, Mellieħa u n-Nadur, kif ukoll lill-Aġenzija tas-Sistemi ta’ Infurzar Lokali (LESA), ARRTS Timing System u l-Palazzin Hotel u lill-klabbs u ċ-ċiklisti parteċipanti kollha għall-appoġġ tagħhom.

Ritratti: Alessio Sultana (Kunsill Lokali Nadur)