Internazzjonali

Iżrael: Mhux beħsiebu jħalli l-attakk tal-Iran jgħaddi mingħajr tweġiba

epa08571514 A handout photo made available by the Islamic Revolutionary Guard Corps (IRGC) website; Sepah News shows, Iranian military fires a missile targeting a mock-up of US aircraft carrier in the strategic Strait of Hormuz, southern of Iran, 28 July 2020. Media reported that Iran held a war game at the Strait of Hormuz amid heightened tensions between Iran and the USA. EPA-EFE/SEPAHNEWS / HANDOUT HANDOUT EDITORIAL USE ONLY/NO SALES

L-attakk storiku tas-Sibt mill-Iran fuq Iżrael, minkejja li ma ħalliex konsegwenzi kbar, irid jittieħed fil-kontest tal-iżviluppi perikolużi fil-Lvant Nofsani – meta issa qed jispikkaw sforzi diplomatiċi biex is-sitwazzjoni fir-reġjun ma teskalax.

Min-naħa tiegħu, David Cameron, l-Eks Prim Ministru tar-Renju Unit li llum hu l-Ministru Britanniku għall-Affarijiet Barranin, qal li l-attakk tal-Iranjani fuq Iżrael falla kompletament.

Cameron qal li r-Renju Unit, l-istess bħall-pajjiżi l-oħra tal-Punent, qed jagħmel li jista’ biex jieqaf il-ġlied fil-Lvant Nofsani u biex ma teskalax is-sitwazzjoni bejn Iżrael u l-Iran. Dan meta l-Iżraeljani, fil-preżent, qed iqisu l-azzjoni bid-drones tal-Iranjani bħala dikjarazzjoni ċara ta’ gwerra li ‘teħtieġ forma ta’ reazzjoni militari’.

Is-sitwazzjoni għadha imprevedibbli u miftuħa għal kwalunkwe xenarju meta Iżrael qed jikkalkula r-reazzjoni li għandu jkun hemm għal dan l-attakk bla preċedent fuq artu.

Ir-reġim Iranjan tal-Ayatollah Ali Khamenei, fi tmiem il-ġimgħa,  wettaq raid kbir bid-drones u l-missili għal fuq Iżrael bħala ritaljazzjoni għall-attakk mill-ajru, fil-bidu tax-xahar, li kkonċentra fuq il-konsolat Iranjan fis-Sirja, u li fih inqatlu uffiċjali militari tal-Gwardja Rivoluzzjonarja tal-Iran.

Intant, rapporti mhux ikkonfermati qalu li l-militar Iżraeljan diġà ppreżenta lista ta’ għażliet u xenarji għall-attakki potenzjali kontra l-Iran. L-għażliet li qed ikunu evalwati mill-Kabinett tal-gwerra mwaqqaf mill-Gvern Iżraeljan.

Is-sorsi Iżraeljani qed jindikaw li pajjiżhom ma jaffordjax li jippermetti li attakk tal-Iranjani fuq dik l-iskala jibqa’ bla tweġiba. Fil-fatt, numru ta’ politiċi Iżraeljani – li ma kenux identifikati – qalu li jeħtieġu jwasslu messaġġ qawwi lil Ayatollah Khamenei biex l-Iran ma jirrepetix l-azzjoni.

L-analisti fl-istess ħin jemmnu li teżisti triq ‘il barra mill-kriżi immedjata f’każ li l-Iran jibqa’ sodisfatt b’li għamel il-punt tiegħu permezz tal-ewwel attakk ta’ dan it-tip fuq Iżrael. Dan ukoll meta l-Iżraeljani jistgħu jgħidu b’wiċċhom minn quddiem li ddefendew ruħhom b’suċċess kbir kontra l-attakki tas-Sibt bil-lejl.