Lokali

L-applikazzjoni emendata għal kafetterija fil-parroċċa ta’ Raħal Ġdid teskludi tisjir fuq il-post

Il-Parroċċa ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid se temenda l-applikazzjoni tal-ippjanar tagħha għal kafetterija żgħira fuq il-bejt tal-knisja sabiex tispeċifika li ebda ikel ma jista’ jissajjar fuq il-post.

Wara diskussjonijiet li saru bejn l-Arċidjoċesi ta’ Malta u l-kappillan Dun Marc André Camilleri, intlaħaq qbil li minflok liċenzja ta’ 4D, il-parroċċa tapplika għal liċenzja ta’ 4C li ma tippermettix li jsir tisjir fuq il-post.

Kelliem għall-Arċidjoċesi qal: “Qatt ma kien hemm il-ħsieb li jkun hemm ristorant fuq il-bejt tal-knisja parrokkjali iżda ġie maqbul li jkun prudenti li l-parroċċa temenda l-applikazzjoni tagħha biex telimina aktar spekulazzjoni u ideat żbaljati.

“Il-kappillan kien diġà għamilha ċara fl-avviż tal-applikazzjoni tal-ippjanar imwaħħal mal-knisja, u fi stqarrija maħruġa lbieraħ, li skont il-pjanti kienet se tinfetaħ biss kafetterija żgħira fuq il-bejt tal-parroċċa. Bl-emenda fl-applikazzjoni qed jara li jelimina kull dubju li jista’ jkun hemm.”

Il-kafetterija proposta, li tagħmel parti minn proġett akbar li jinkludi mużew u ċentru ta’ interpretazzjoni, se tkun qed topera f’binja eżistenti f’wieħed mill-kampnari. Filwaqt li mhu se jsir ebda bini fuq barra, imwejjed u siġġijiet mhux fissi se jitqiegħdu barra wara l-balavostri għoljin tal-knisja skont l-applikazzjoni oriġinali.

Mhux se jkun hemm impatt negattiv fuq il-valur estetiku tal-knisja peress li z-zona tal-kafetterija mhux se tkun viżibbli mil-livell tat-triq.

Il-proġett, li għandu l-għan jiġbor fondi tant meħtieġa għal xogħlijiet ta’ restawr fil-knisja li jiswew ħafna flus kif ukoll biex jgħin il-ħidma pastorali, huwa suġġett għall-approvazzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar. Ta’ min wieħed jinnota li inizjattivi simili diġà saru fi knejjes oħra barra minn Malta, fosthom fil-Bażilika ta’ San Pietru f’Ruma