Internazzjonali

L-Olimpjadi f’Pariġi: Il-Gvern Franċiż u l-organizzaturi jevalwaw it-theddida sinifikanti għas-sigurtà

L-aħħar żviluppi allarmanti waqt il-gwerer f’Gaza u l-Ukrajna – flimkien mal-attakk tal-Iran fuq Iżrael – qed iħassbu sew lill-Gvern Franċiż, tant li qiegħed jevalwa mill-ġdid il-livelli ta’ sigurtà f’pajjiżu qabel Franza tospita l-Olimpjadi tas-sajf.

Fil-fatt, il-President Franċiż, Emmanuel Macron, għamilha ċara li ċ-ċerimonja tal-ftuh tal-Olimpjadi kapaċi tkun trasferita mill-qalba ta’ Pariġi f’każ li jkun hemm riskju għas-sigurtà.

Is-servizzi sigrieti Franċiżi kuljum qegħdin jevalwaw il-livell tal-allert għat-terroriżmu f’Pariġi u bliet ewlenin oħra ta’ Franza – bil-Gvern ta’ Macron diġà qed jintroduċi pjani alternattivi f’każ li l-programmi oriġinali għall-ftuh tal-Olimpjadi u l-logħob sussegwenti jispiċċaw taħt theddida mill-entitajiet estremisti u anki terroristiċi.

Fl-istess ħin, Macron ma eskludiex li l-inawgurazzjoni tal-Olimpjadi kapaċi anki tkun ittrasferita għal Stade de France …. fejn issir ċerimonja tal-ftuh tradizzjonali għal dawn il-logħob.

Għalissa hu ppjanat li ċ-ċerimonja inawgurali għall-Olimpjadi tkun l-ewwel waħda li ssir barra xi kumpless sportiv ewlieni. Dan meta ‘l fuq minn 10,000 atleti mistennija jitwasslu għaċ-ċerimonja b’korteo ta’ braken li jivvjaġġaw tul ix-xmara lejn is-sit tal-inawgurazzjoni.

Iżda kollox għad jista’ jinbidel fid-dawl tal-gwerer li għaddejjin bħalissa u t-theddida akbar ta’ terroriżmu minħabba l-qawmien mill-ġdid tal-ISIS.